2 Slaten
3 U Ġeħoram+ bin Aħab sar sultan fuq Israel fis-Samarija fis-sena tmintax taʼ Ġeħosafat is-sultan taʼ Ġuda, u kompla jsaltan tnax-il sena. 2 U kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova,+ biss mhux bħal missieru+ jew ommu, imma neħħa l-pilastru sagru+ taʼ Bagħal li kien għamel missieru.+ 3 Iżda baqaʼ mqabbad mad-dnubiet taʼ Ġerobogħam+ bin Nebat, li bihom ġiegħel lil Israel jidneb.+ Ma telaqhomx.
4 U Mesa,+ is-sultan taʼ Mowab, beda jrabbi n-nagħaġ, u ħallas lis-sultan taʼ Israel mitt elf ħaruf u mitt elf muntun mhux imqarweż. 5 U ġara li malli miet Aħab,+ is-sultan taʼ Mowab beda jirvella+ kontra s-sultan taʼ Israel. 6 Għaldaqstant, dak iż-żmien is-Sultan Ġeħoram ħareġ mis-Samarija u ġabar+ lil Israel kollu. 7 U iżjed minn hekk, hu bagħat jgħid lil Ġeħosafat is-sultan taʼ Ġuda: “Is-sultan taʼ Mowab irvella kontrija. Tiġi miegħi Mowab għall-gwerra?” Għal dan, qallu: “Niġi.+ Jien għal miegħek; in-nies tiegħi għal man-nies tiegħek;+ iż-żwiemel tiegħi għal maż-żwiemel tiegħek.” 8 U żied jgħid: “Minn liema triq se nitilgħu?” Qallu: “Mit-triq tax-xagħri t’Edom.”+
9 U s-sultan taʼ Israel u s-sultan taʼ Ġuda u s-sultan t’Edom+ marru, u ħaduha bid-dawra u damu sejrin sebat ijiem, u ma kienx hemm ilma għall-kamp u għall-annimali domestiċi li kienu mexjin warajhom. 10 Fl-aħħar, is-sultan taʼ Israel qal: “X’ħasra li Ġeħova sejħilna, it-tliet slaten, biex jagħtina f’idejn Mowab!”+ 11 Għal dan, Ġeħosafat qal:+ “Hawnhekk m’hawnx profeta taʼ Ġeħova?+ Mela ejja nistaqsu lil Ġeħova permezz tiegħu.”+ Għalhekk, wieħed mill-qaddejja tas-sultan taʼ Israel wieġeb u qal: “Hawnhekk joqgħod Eliżew+ bin Safat, li kien iferraʼ l-ilma f’idejn Elija.”+ 12 Imbagħad Ġeħosafat qal: “Il-kelma taʼ Ġeħova hija miegħu.” Għaldaqstant, is-sultan taʼ Israel u Ġeħosafat u s-sultan t’Edom niżlu għandu.
13 U Eliżew qal lis-sultan taʼ Israel: “X’għandi x’naqsam miegħek?+ Mur għand il-profeti+ taʼ missierek u għand il-profeti t’ommok.” Imma s-sultan taʼ Israel qallu: “Le, għax Ġeħova sejjaħ lil dawn it-tliet slaten biex jagħtihom f’idejn Mowab.”+ 14 U Eliżew qal: “Daqskemm hu ħaj Ġeħova taʼ l-armati li ninsab wieqaf quddiemu,*+ li kieku mhux għax qed nikkunsidra l-preżenza taʼ Ġeħosafat is-sultan taʼ Ġuda,+ ma kontx inħares lejk jew narak.+ 15 U issa ġibuli lil xi ħadd li jdoqq strument tal-korda.”+ U ġara li, malli l-mużiċist beda jdoqq, id+ Ġeħova ġiet fuqu. 16 U kompla jgħid: “Hekk qal Ġeħova, ‘Imlew dan il-wied* kollu bil-kanali;+ 17 għax hekk qal Ġeħova: “La se taraw riħ u lanqas xita; imma l-wied se jimtela bl-ilma,+ u intom se tixorbu minnu,+ intom u l-bhejjem u l-annimali domestiċi tagħkom.”’ 18 U din tabilħaqq se tkun xi ħaġa żgħira f’għajnejn Ġeħova,+ u hu żgur jagħti lil Mowab f’idejkom.+ 19 U għandkom taħbtu għal kull belt fortifikata+ u kull belt mill-aqwa, u taqtgħu+ kull siġra tajba,+ u ssoddu l-għejun kollha taʼ l-ilma, u kull medda art tajba għandkom tħassruha bil-ġebel.”
20 U fil-għodu,+ fil-ħin li titlaʼ l-offerta tal-qmuħ,+ ara, l-ilma kien ġej mid-direzzjoni t’Edom, u l-art imtliet bl-ilma.
21 U l-Mowabin kollha semgħu li s-slaten kienu ġew jiġġieldu kontrihom. Għalhekk, sejħu lill-irġiel flimkien, dawk li kienu kapaċi jitħażżmu+ b’ċinturin, mill-iżgħar sa l-akbar wieħed fosthom, u marru u waqfu fil-fruntiera. 22 Meta qamu kmieni fil-għodu, ix-xemx bdiet tiddi fuq l-ilma, u allura l-Mowabin min-naħa l-oħra bdew jaraw l-ilma aħmar bħad-demm. 23 U bdew jgħidu: “Dak demm! Żgur li s-slaten darbu u qatlu lil xulxin bis-sejf. Mela issa, imxi għall-priża,+ O Mowab!” 24 Meta waslu fil-kamp taʼ Israel, l-Israelin+ minnufih qamu u bdew jidorbu lill-Mowabin u dawn ħarbu minn quddiemhom.+ Għalhekk, daħlu Mowab u darbu lill-Mowabin hekk kif kienu deħlin. 25 U ġarrfu l-bliet,+ u kull wieħed tefaʼ l-ġebla tiegħu f’kull medda art tajba sa ma mlewha; u saddew kull għajn taʼ l-ilma,+ u qatgħu kull siġra tajba,+ sakemm fih ħallew biss il-ġebel taʼ Kir-ħareset;+ u dawk li kienu bl-iżbandoli bdew iduru magħha u ġarrfuha.
26 Malli s-sultan taʼ Mowab ra li l-battalja kienet iebsa wisq għalih, hu ħa miegħu sebaʼ mitt raġel li jisiltu s-sejf biex jilħaq lis-sultan t’Edom;+ imma ma rnexxilhomx. 27 Fl-aħħar ħa lil ibnu l-kbir li kien se jsaltan minfloku u offrieh+ bħala sagrifiċċju tal-ħruq fuq is-sur. U qam għadab kbir kontra Israel, u għalhekk dawn irtiraw minn kontrih u marru lura pajjiżhom.