Eżodu
21 “U dawn huma d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li trid tqegħdilhom quddiemhom:+
2 “Jekk tixtri lsir Ebrew,+ ikun ilsir għal sitt snin, imma fis-sebaʼ sena joħroġ meħlus mingħajr ħlas.+ 3 Jekk jidħol fil-jasar waħdu, joħroġ waħdu. Jekk ikollu mara, martu toħroġ miegħu. 4 Jekk sidu jagħtih mara u din tilidlu subien jew bniet, il-mara u t-tfal tagħha jkunu taʼ sidha+ u hu joħroġ waħdu.+ 5 Imma jekk l-ilsir jibqaʼ jinsisti u jgħid, ‘Jien tassew inħobb lil sidi, lil marti, u lil uliedi; ma rridx noħroġ ħieles,’+ 6 imbagħad sidu jrid jieħdu quddiem l-Alla l-veru u jġibu ħdejn il-bieb jew il-koxxa tal-bieb; u sidu jtaqqablu widintu b’xifa, u hu jkun ilsir tiegħu ħajtu kollha.+
7 “U jekk raġel ibigħ lil bintu bħala lsira,+ din ma toħroġx mill-jasar bħalma joħorġu l-ilsiera rġiel. 8 Jekk ma tingħoġobx f’għajnejn sidha, u b’hekk ma jagħżilhiex bħala konkubina+ imma jħalliha tinfeda, hu ma jkunx intitolat li jbigħha lil xi poplu barrani, għax ikun aġixxa magħha bi tradiment. 9 U jekk jagħżilha għal ibnu, għandu jimxi magħha skond id-dritt li jmiss lill-bniet.+ 10 Jekk jieħu mara oħra għalih innifsu, m’għandux inaqqsilha l-manteniment tagħha, ħwejjiġha,+ u dak li jmissha fiż-żwieġ.+ 11 Jekk ma jagħtihiex dawn it-tliet affarijiet, allura hi toħroġ mill-jasar b’xejn, ma tħallasx flus.
12 “Min jidrob raġel, u b’hekk dan imut, żgur li għandu jingħata l-mewt.+ 13 Imma jekk ma jkunx nasablu u l-Alla l-veru jippermetti li dan il-qtil aċċidentali jseħħ b’idu,+ niffissalek post fejn jistaʼ jaħrab.+ 14 U jekk raġel tant jisħon għal sieħbu li jasal biex joqtlu b’makakkerija,+ għandek tieħdu saħansitra minn ħdejn l-artal tiegħi biex imut.+ 15 U min jidrob lil missieru u lil ommu żgur li għandu jingħata l-mewt.+
16 “U min jaħtaf bniedem+ u fil-fatt ibigħu,+ jew dan jinstab taħt idejh, żgur li għandu jingħata l-mewt.+
17 “U min jisħet lil missieru u lil ommu żgur li għandu jingħata l-mewt.+
18 “U jekk żewġt irġiel jitlewmu u wieħed minnhom jidrob lil sieħbu b’ġebla jew b’mgħażqa u dan ma jmutx imma jkollu jibqaʼ fis-sodda; 19 jekk iqum u joħroġ jimxi barra jserraħ maʼ xi ħaġa, dak li jkun darbu jkun meħlus mill-kastig; jagħtih kumpens biss għaż-żmien li jkun tilef mix-xogħol sakemm ikun fieq għalkollox.
20 “U jekk raġel jidrob+ bil-bastun lill-ilsir tiegħu, jew lill-ilsira tiegħu, u fil-fatt imut taħt idu, dan żgur li għandu jiġi vendikat.+ 21 Madankollu, jekk jibqaʼ ħaj ġurnata jew tnejn, m’għandux jiġi vendikat, għax hu flusu.
22 “U jekk żewġt irġiel jissaraw bejniethom u jweġġgħu lil mara tqila u t-tarbija tagħha+ titwieled imma ma jiġri ebda aċċident fatali, il-ħati żgur li għandu jħallas għall-ħsarat skond kemm iwaħħlu sid il-mara; u jagħti skond ma jaqtgħu l-imħallfin.+ 23 Imma jekk jiġri xi aċċident fatali, trid tagħti ruħ b’ruħ,+ 24 għajn b’għajn, sinna b’sinna, id b’id, sieq b’sieq,+ 25 kiwja b’kiwja, ferita b’ferita, daqqa b’daqqa.+
26 “U jekk raġel jidrob l-għajn taʼ l-ilsir tiegħu, jew l-għajn taʼ l-ilsira tiegħu, u jħassarhielu, għandu jibagħtu ħieles b’kumpens għal għajnu.+ 27 U jekk itajjar is-sinna taʼ l-ilsir tiegħu, jew is-sinna taʼ l-ilsira tiegħu, għandu jibagħtu ħieles b’kumpens għas-sinna tiegħu.
28 “U jekk barri jagħti bil-qrun lil raġel, jew mara, u dan fil-fatt imut, il-barri żgur li għandu jiġi mħaġġar,+ u laħmu m’għandux jittiekel; u sid il-barri jkun meħlus mill-kastig. 29 Imma jekk barri qabel kellu d-drawwa li jagħti bil-qrun u ngħatat twissija lil sidu imma dan ma żammux mgħasses, u fil-fatt joqtol raġel jew mara, il-barri għandu jiġi mħaġġar u sidu wkoll għandu jingħata l-mewt. 30 Jekk fidwa tiġi imposta fuqu, irid jagħti l-prezz tal-ħelsien għal ruħu skond kulma jiġi impost fuqu.+ 31 Sew jekk ta bil-qrun lil iben u sew jekk ta bil-qrun lil bint, lil sidu għandhom jagħmlulu skond din id-deċiżjoni ġudizzjarja.+ 32 Jekk il-barri jkun ta bil-qrun lil ilsir jew ilsira, sidu jagħti l-prezz taʼ tletin xekel+ lil sid l-ilsir jew l-ilsira, u l-barri jiġi mħaġġar.
33 “U jekk raġel jiftaħ ħofra, jew jekk raġel iħaffer ħofra u ma jgħattihiex, u jaqaʼ fiha barri jew ħmar,+ 34 sid il-ħofra għandu jagħti kumpens.+ Għandu jagħti lura l-prezz lil sid l-annimal mejjet, u dan isir tiegħu. 35 U jekk il-barri taʼ xi ħadd iweġġaʼ l-barri taʼ ħaddieħor u dan il-barri jmut, iridu jbigħu l-barri l-ħaj u jaqsmu bejniethom il-flus kemm jiswa; għandhom jaqsmu bejniethom ukoll il-wieħed mejjet.+ 36 Jew jekk kien magħruf li barri qabel kellu d-drawwa li jagħti bil-qrun u sidu ma kienx iżommu mgħasses,+ irid assolutament jagħti bħala kumpens+ barri għal barri, u l-wieħed mejjet isir tiegħu.