Levitiku
9 U ġara li fit-tmien jum+ Mosè sejjaħ lil Aron u lil uliedu u lix-xjuħ taʼ Israel. 2 Imbagħad qal lil Aron: “Ħu għalik għoġol żgħir bħala offerta għad-dnub+ u muntun bħala offerta tal-ħruq,+ it-tnejn bla difett, u ppreżentahom quddiem Ġeħova.+ 3 Imma lil ulied Israel kellimhom, u għidilhom, ‘Ħudu bodbod+ bħala offerta għad-dnub, u għoġol u muntun żgħir,+ kull wieħed taʼ sena, bla difett, bħala offerta tal-ħruq, 4 u barri u muntun għas-sagrifiċċji taʼ sħubija+ biex toffruhom bħala sagrifiċċju quddiem Ġeħova, u offerta tal-qmuħ+ miblula fiż-żejt, għaliex illum Ġeħova żgur li se jidhrilkom.’”+
5 Għaldaqstant, dak li kien ordna Mosè ħaduh quddiem it-tinda tal-laqgħa. Imbagħad il-ġemgħa kollha resqet qrib u qagħdet quddiem Ġeħova.+ 6 U Mosè ssokta jgħid: “Dan ikkmanda Ġeħova li għandkom tagħmlu, sabiex tidhrilkom il-glorja taʼ Ġeħova.”+ 7 Imbagħad Mosè qal lil Aron: “Mur ħdejn l-artal u offri l-offerta għad-dnub+ u l-offerta tal-ħruq tiegħek, u agħmel tpattija+ għalik u għal darek; u offri l-offerta tan-nies+ u agħmel tpattija+ għalihom, sewwasew bħalma kkmanda Ġeħova.”
8 Aron minnufih mar ħdejn l-artal u qatel l-għoġol taʼ l-offerta għad-dnub li kienet għalih.+ 9 Imbagħad ulied Aron ippreżentawlu d-demm+ u hu bell sebgħu fid-demm+ u poġġieh fuq il-qrun taʼ l-artal,+ u l-bqija tad-demm sawbu f’riġlejn l-artal. 10 U x-xaħam+ u l-kliewi u x-xaħam taʼ mal-fwied mill-offerta għad-dnub ħaraqhom fuq l-artal,+ sewwasew bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè. 11 U l-laħam u l-ġilda ħaraqhom bin-nar ’il barra mill-kamp.+
12 Imbagħad qatel l-offerta tal-ħruq u wlied Aron newlulu d-demm u hu raxxu dawramejt fuq l-artal.+ 13 U newlulu l-offerta tal-ħruq kull biċċa għaliha u r-ras, u ħaraqhom fuq l-artal.+ 14 Barra minn hekk, ħasel l-imsaren u r-riġlejn* u ħaraqhom fuq l-offerta tal-ħruq, fuq l-artal.+
15 Hu issa ppreżenta l-offerta tan-nies+ u ħa l-bodbod taʼ l-offerta għad-dnub li kien għan-nies u qatlu u għamel offerta għad-dnub bih bħalma għamel b’taʼ l-ewwel. 16 Imbagħad ippreżenta l-offerta tal-ħruq u offrieha skond il-proċedura regulari.+
17 Hu mbagħad ippreżenta l-offerta tal-qmuħ+ u mela idu bi ftit minnha u ħarqu fuq l-artal, minbarra l-offerta tal-ħruq taʼ fil-għodu.+
18 Wara, qatel il-barri u l-muntun tas-sagrifiċċju taʼ sħubija+ li kien għan-nies. Imbagħad ulied Aron newlulu d-demm u hu raxxu dawramejt fuq l-artal.+ 19 Inkwantu għall-bċejjeċ imxaħħmin+ tal-barri u d-denb oħxon+ tal-muntun u x-xaħam li jiksi l-imsaren u l-kliewi u x-xaħam taʼ mal-fwied, 20 huma issa poġġew il-bċejjeċ imxaħħmin fuq l-isdra,+ u mbagħad hu ħaraq il-bċejjeċ imxaħħmin fuq l-artal. 21 Imma l-isdra u s-sieq il-leminija Aron xejjirhom ’l hemm u ’l hawn bħala offerta tat-tixjir+ quddiem Ġeħova, sewwasew bħalma kien ikkmanda Mosè.
22 Imbagħad Aron għolla idejh lejn in-nies u berikhom+ u niżel+ wara li offra l-offerta għad-dnub u l-offerta tal-ħruq u s-sagrifiċċji taʼ sħubija. 23 Fl-aħħar, Mosè u Aron daħlu fit-tinda tal-laqgħa u ħarġu u bierku lin-nies.+
Imbagħad il-glorja taʼ Ġeħova+ dehret lin-nies kollha, 24 u ħareġ nar minn quddiem Ġeħova+ u beda jikkonsma l-offerta tal-ħruq u l-bċejjeċ imxaħħmin fuq l-artal. Meta n-nies kollha raw dan, infexxew jgħajtu+ u nxteħtu wiċċhom fl-art.