Eżekjel
41 U daħħalni fit-tempju, u kejjel il-pilastri tal-ġenb, sitt kubiti l-wisaʼ din in-naħa u sitt kubiti l-wisaʼ n-naħa l-oħra, il-wisaʼ tal-pilastru tal-ġenb. 2 U l-wisaʼ tad-daħla kienet għaxar kubiti, u l-ġnub tad-daħla kienu ħames kubiti fuq naħa u ħames kubiti n-naħa l-oħra. U kejjillu t-tul, erbgħin kubitu; u l-wisaʼ, għoxrin kubitu.
3 U daħal ġewwa u kejjel il-pilastru tal-ġenb fid-daħla, żewġ kubiti; u d-daħla, sitt kubiti; u l-wisaʼ tad-daħla kienet sebaʼ kubiti. 4 U kejjel it-tul, għoxrin kubitu; u l-wisaʼ, għoxrin kubitu,+ quddiem it-tempju. Imbagħad qalli: “Dan hu l-Iktar Qaddis.”+
5 U kejjel il-ħajt tad-dar, sitt kubiti. U l-wisaʼ tal-kamra tal-ġenb kienet erbaʼ kubiti, mad-dawra kollha; hekk kienet mad-dawra kollha tad-dar.+ 6 U l-kmamar tal-ġenb kienu kamra tal-ġenb fuq kamra tal-ġenb, tliet sulari, għal tletin darba; u l-kmamar tal-ġenb li kien hemm mad-dawra kollha kienu mdaħħlin fil-ħajt tad-dar sabiex ikollhom l-appoġġ, imma ma kinux jinfdu l-ħajt tad-dar.+ 7 U l-kmamar tal-ġenb kienu jitwessgħu maʼ kull sular, u l-garigor li kien jagħti għal fuq kien f’naħat differenti tad-dar.+ Għalhekk, il-wisaʼ tal-kmamar madwar id-dar kienet tiżdied iktar ma titlaʼ ’l fuq, u mis-sular taʼ taħt wieħed setaʼ jitlaʼ għas-sular taʼ fuqnett,+ mis-sular tan-nofs.
8 U rajt li d-dar kellha pjattaforma għolja dawramejt. U l-pedamenti tal-kmamar tal-ġenb kienu għoljin qasba sħiħa taʼ sitt kubiti safejn kienu jingħaqdu.+ 9 Il-wisaʼ mill-ħajt tal-kamra tal-ġenb sa barra kienet ħames kubiti. U kien hemm spazju li tħalla miftuħ ħdejn il-bini tal-kmamar tal-ġenb tad-dar.
10 U bejn il-kmamar taʼ l-ikel+ u d-dawra tad-dar, il-wisaʼ kienet għoxrin kubitu dawramejt. 11 U d-daħla għall-kamra tal-ġenb kienet tħares lejn l-ispazju li tħalla miftuħ, daħla waħda lejn it-tramuntana u daħla lejn in-nofsinhar; u l-wisaʼ taʼ l-ispazju li tħalla miftuħ kienet ħames kubiti, dawramejt.
12 U l-bini li kien hemm quddiem il-wesgħa separata, li n-naħa tiegħu kienet lejn il-punent, kien wiesaʼ sebgħin kubitu. U l-ħajt tal-bini kien wiesaʼ ħames kubiti, u kien mad-dawra kollha; u kien twil disgħin kubitu.
13 U kejjel id-dar, u kienet twila mitt kubitu; u l-wesgħa separata u l-bini u l-ħitan tiegħu kienu twal mitt kubitu. 14 U l-wisaʼ tal-faċċata tad-dar u tal-wesgħa separata fuq in-naħa tal-lvant kienet mitt kubitu.
15 U kejjel it-tul tal-bini quddiem in-naħa taʼ wara tal-wesgħa separata u l-kurituri tiegħu fuq naħa u fuq in-naħa l-oħra, mitt kubitu.
Hekk ukoll kienu t-tempju u l-post taʼ ġewwa+ u l-loġoġ tal-bitħa; 16 l-għetiebi, u t-twieqi b’fetħa li tidjieq,+ u l-kurituri kienu madwarhom it-tlieta. Quddiem l-għatba kien hemm kisi taʼ l-injam dawramejt,+ mill-art sat-twieqi; u t-twieqi kienu miksijin. 17 Il-parti taʼ fuq id-daħla, id-dar taʼ ġewwa u fuq barra tagħha, u l-ħajt kollu madwar id-dar taʼ ġewwa u fuq barra tagħha, kollha kellhom qisien speċifikati. 18 U kien hemm kerubini+ u siġar tal-palm minquxin,+ b’tinqix taʼ siġra tal-palm bejn kerubin u ieħor, u l-kerubin kellu żewġ uċuħ.+ 19 U l-wiċċ taʼ bniedem kien iħares lejn it-tinqix taʼ siġra tal-palm fuq naħa waħda u l-wiċċ taʼ ljun b’saħħtu kien iħares lejn it-tinqix taʼ siġra tal-palm fuq in-naħa l-oħra,+ u dawn kienu minquxin madwar id-dar kollha. 20 Mill-art sa fuq id-daħla kien hemm kerubini u siġar tal-palm minquxin fuq il-ħajt tat-tempju.
21 U l-koxxa tal-bieb tat-tempju kienet kwadra;+ u quddiem il-post qaddis kien hemm xi ħaġa li kienet tidher hekk: 22 l-artal taʼ l-injam kien għoli tliet kubiti, u kien twil żewġ kubiti, u kellu pilastri fil-kantunieri.+ U t-tul u l-ħitan tiegħu kienu taʼ l-injam. U kellimni u qalli: “Din hi l-mejda li tinsab quddiem Ġeħova.”+
23 U t-tempju u l-post qaddis kellhom żewġ bibien+ kull wieħed. 24 U kull bieb kellu żewġ bibien jintlewew fi tnejn. Bieb wieħed kellu żewġ bibien, u l-ieħor kellu żewġ bibien ukoll. 25 U fuqhom, fuq il-bibien tat-tempju, kien hemm kerubini u tinqix taʼ siġar tal-palm,+ bħal dawk taʼ fuq il-ħajt, u kien hemm ħierġa ’l barra tisqifa taʼ l-injam ’il fuq min-naħa taʼ quddiem tal-loġġa. 26 U kien hemm twieqi b’fetħa li tidjieq+ u tinqix taʼ siġar tal-palm lil hawn u lil hemm tul il-ġnub tal-loġġa u l-kmamar fil-ġenb tad-dar u t-tisqif taʼ l-injam.