Eżekjel
45 “‘U meta tqassmu l-art bħala wirt,+ għandkom toffru kontribuzzjoni lil Ġeħova,+ sehem qaddis mill-art;+ it-tul, ħamsa u għoxrin elf kubitu, u l-wisaʼ, għaxart elef.+ Dan ikun sehem qaddis fit-trufijiet kollha tagħha* dawramejt. 2 Minn din għandu jkun hemm għall-post qaddis ħames mija b’ħames mija, kwadru dawramejt;+ u jkollu ħamsin kubitu fuq kull naħa għall-mergħa.+ 3 U minn dan il-kejl għandek tkejjel tul taʼ ħamsa u għoxrin elf u wisaʼ t’għaxart elef, u fih ikun hemm is-santwarju, xi ħaġa mill-iktar qaddisa.+ 4 Dan is-sehem qaddis mill-art ikun għall-qassisin,+ il-ministri tas-santwarju, dawk li jersqu biex jaqdu lil Ġeħova.+ U jkun għalihom post għad-djar, u post sagru għas-santwarju.
5 “‘Ikun hemm tul taʼ ħamsa u għoxrin elf u wisaʼ t’għaxart elef.+ Dan ikun tal-Leviti, il-ministri tad-Dar. Ikollhom għoxrin kamra taʼ l-ikel għalihom.+
6 “‘U tagħtu wisaʼ taʼ ħamest elef u tul taʼ ħamsa u għoxrin elf biex ikunu tal-belt, eżatt daqs il-kontribuzzjoni qaddisa.+ Dan ikun taʼ dar Israel kollha.
7 “‘U fuq naħa waħda u fuq in-naħa l-oħra tal-kontribuzzjoni qaddisa+ u l-proprjetà tal-belt, ħdejn il-kontribuzzjoni qaddisa u ħdejn il-proprjetà tal-belt, ikun hemm għall-kap ewlieni art fuq in-naħa tal-punent u art fuq in-naħa tal-lvant. U t-tul ikun eżatt daqs wieħed mill-ishma tat-tribujiet, mill-fruntiera tal-punent sal-fruntiera tal-lvant.+ 8 U l-art tkun tiegħu bħala proprjetà f’Israel. U l-kapijiet ewlenin tiegħi ma jimmaltrattawx iktar lill-poplu tiegħi,+ u l-art jagħtuha lil dar Israel skond it-tribujiet tagħhom.’+
9 “Hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova, ‘Biżżejjed, O kapijiet ewlenin taʼ Israel!’+
“‘Neħħu l-vjolenza u t-tħarbit,+ u agħmlu l-ġustizzja u s-sewwa.+ Tibqgħux tieħdu l-proprjetà tal-poplu tiegħi bil-forza,’+ hija l-kelma tal-Mulej Sovran Ġeħova. 10 ‘Għandu jkollkom miżien eżatt u efa eżatta u bat eżatt.+ 11 U għall-efa u l-bat għandu jkun hemm biss ammont fiss wieħed, biex il-bat jesaʼ wieħed minn għaxra taʼ ħomer u wieħed minn għaxra taʼ ħomer jesaʼ efa;+ l-ammont meħtieġ ikun determinat skond il-ħomer. 12 U x-xekel+ hu għoxrin gera.+ U għalikom il-piż tal-mane għandu jkun għoxrin xekel, ħamsa u għoxrin xekel, ħmistax-il xekel.’
13 “‘Din hi l-kontribuzzjoni li għandkom toffru, is-sitt parti t’efa minn ħomer qamħ, u s-sitt parti t’efa minn ħomer xgħir; 14 u inkwantu għas-sehem taż-żejt, dan għandu jitkejjel bil-bat. Il-bat hu wieħed minn għaxra taʼ kor. Għaxar batiet huma ħomer; għax għaxar batiet huma ħomer. 15 U għandkom toffru nagħġa mill-merħla, jiġifieri, nagħġa minn kull mitejn waħda minn fost il-bhejjem taʼ Israel.+ Dawn l-offerti jkunu għall-offerta tal-qmuħ+ u għall-offerta sħiħa tal-ħruq+ u għas-sagrifiċċji taʼ sħubija,+ sabiex tagħmlu tpattija għalihom,’+ hija l-kelma tal-Mulej Sovran Ġeħova.
16 “‘U n-nies kollha tal-pajjiż ikunu responsabbli li jagħtu din il-kontribuzzjoni+ lill-kap ewlieni f’Israel.+ 17 U r-responsabbiltà taʼ l-offerti sħaħ tal-ħruq+ u l-offerta tal-qmuħ+ u l-offerta tax-xorb+ matul il-festi+ u matul kull qamar ġdid+ u matul is-Sabatijiet,+ matul l-istaġuni tal-festi kollha taʼ dar Israel,+ taqaʼ fuq il-kap ewlieni.+ Hu jkun il-wieħed li jipprovdi l-offerta għad-dnub u l-offerta tal-qmuħ u l-offerta sħiħa tal-ħruq u s-sagrifiċċji taʼ sħubija, sabiex issir tpattija għan-nom taʼ dar Israel.’
18 “Hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova, ‘Fl-ewwel xahar, fl-ewwel jum tax-xahar, għandek tieħu barri żgħir bla difett,+ wild il-merħla, u trid tippurifika s-santwarju mid-dnub.+ 19 U l-qassis għandu jieħu ftit mid-demm taʼ l-offerta għad-dnub u jqiegħdu mal-koxxa tal-bieb+ tad-Dar u maʼ l-erbaʼ kantunieri taʼ l-ixkaffa taʼ mad-dawra taʼ l-artal+ u mal-koxxa tal-bieb tal-bitħa taʼ ġewwa. 20 U hekk ukoll tagħmel fis-sebaʼ jum tax-xahar minħabba kulmin jidneb bi żball+ u minħabba kulmin hu bla esperjenza; u tridu tagħmlu tpattija għad-Dar.+
21 “‘Fl-ewwel xahar, fl-erbatax-il jum tax-xahar, għandu jkollkom il-Qbiż.+ Imbagħad bħala festa għal sebat ijiem għandu jittiekel ħobż bla ħmira.+ 22 U dakinhar, għan-nom tiegħu u għan-nom tan-nies kollha tal-pajjiż, il-kap ewlieni għandu jipprovdi barri żgħir bħala offerta għad-dnub.+ 23 U għas-sebat ijiem tal-festa+ għandu jipprovdi bħala offerta sħiħa tal-ħruq lil Ġeħova sebaʼ barrin żgħar u sebaʼ mtaten, bla difett, kuljum għas-sebat ijiem,+ u bħala offerta għad-dnub bodbod kuljum.+ 24 U bħala offerta tal-qmuħ għandu jipprovdi efa għall-barri żgħir u efa għall-muntun, u ħinn żejt għal kull efa.+
25 “‘Fis-sebaʼ xahar, fil-ħmistax-il jum tax-xahar, matul il-festa,+ għandu jipprovdi l-istess affarijiet għal sebat ijiem,+ l-istess offerta għad-dnub, l-istess offerta sħiħa tal-ħruq, u l-istess offerta tal-qmuħ u l-istess żejt.’”