Għamos
9 Jien rajt lil Ġeħova ’l fuq mill-artal,+ u hu qal: “Olqot ras il-kolonna, sabiex l-għetiebi jitriegħdu. U qaċċtilhom rashom, ilkoll kemm huma.+ U dawk li jifdal mill-poplu noqtolhom bis-sejf. Ebda wieħed minnhom ma se jirnexxilu jaħrab, u ħadd minn dawk li qed jaħarbu ma se jeħlisha.+ 2 Jekk iħaffru fil-Qabar,* minn hemmhekk idi stess se tiħodhom;+ u jekk jitilgħu sas-smewwiet, minn hemmhekk se nniżżilhom.+ 3 Jekk jinħbew fuq il-quċċata tal-Karmel, se nfittex bir-reqqa u niħodhom minn hemmhekk.+ U jekk jinsatru minn quddiem għajnejja f’qiegħ il-baħar,+ hemm isfel nikkmanda lis-serp, u jigdimhom. 4 Jekk imorru fil-jasar quddiem l-għedewwa tagħhom, minn hemmhekk se nikkmanda lis-sejf, u dan irid joqtolhom;+ u se nitfaʼ għajnejja fuqhom għad-deni u mhux għall-ġid.+ 5 U l-Mulej Sovran, Ġeħova taʼ l-armati, hu Dak li qed imiss l-art, sabiex iddub;+ u l-abitanti kollha tagħha se jkollhom jitnikktu;+ u se togħla bħan-Nil, kollha kemm hi, u tbatti bħan-Nil taʼ l-Eġittu.+
6 “‘Hu li qed jibni t-taraġ tiegħu fis-smewwiet,+ u l-bini tiegħu ’l fuq mill-art li sejjes;+ hu li qed isejjaħ l-ilmijiet tal-baħar+ biex iferragħhom fuq wiċċ l-art+—Ġeħova jismu.’+
7 “‘M’intomx għalija bħal ulied il-Kusin, O wlied Israel?’ hija l-kelma taʼ Ġeħova. ‘Ma tellajtx jien lil Israel mill-art taʼ l-Eġittu,+ u lill-Filistin+ minn Kreta, u lis-Sirja minn Kir?’+
8 “‘Ara! Għajnejn il-Mulej Sovran Ġeħova huma fuq is-saltna midinba,+ u hu se jeqridha minn fuq wiċċ l-art.+ Madankollu, m’iniex se neqred għalkollox id-dar taʼ Ġakobb,’+ hija l-kelma taʼ Ġeħova. 9 ‘Għax, ara! Jien qed nikkmanda, u se nheżżeż id-dar taʼ Israel fost il-ġnus kollha,+ bħal meta wieħed jheżżeż l-għarbiel, sabiex lanqas ċagħqa waħda ma taqaʼ fl-art. 10 Bis-sejf imutu—il-midinbin kollha tal-poplu tiegħi,+ dawk li qed jgħidu: “Il-gwaj ma jersaqx u ma jasalx sa ħdejna.”’+
11 “‘F’dak il-jum se nqajjem+ l-għarix+ taʼ David li ġġarraf,+ u se nsewwi t-tiċrit tagħhom. U ntellaʼ r-rovini tiegħu, u nibnih bħal fil-jiem taʼ żmien twil ilu,+ 12 bl-għan li jieħdu f’idejhom dak li baqaʼ minn Edom,+ u lill-ġnus kollha li ssejjaħ ismi fuqhom,’+ hija l-kelma taʼ Ġeħova, li qed jagħmel dan.
13 “‘Ara! Ġej żmien,’ hija l-kelma taʼ Ġeħova, ‘meta dak li jaħrat jilħaq lill-ħassâd,+ u dak li jgħaffeġ l-għeneb, lil dak li jġorr iż-żerriegħa;+ u l-muntanji joqtru bi nbid ħelu,+ u l-għoljiet kollha jdubu.+ 14 U niġbor lura lill-imjassrin tal-poplu tiegħi Israel,+ u huma jibnu l-bliet abbandunati u joqogħdu fihom,+ u jħawlu għelieqi bid-dwieli u jixorbu l-inbid tagħhom, u jagħmlu ġonna u jieklu frotthom.’+
15 “‘U jien inħawwilhom fuq arthom, u ma jkunux iktar maqlugħin mill-għeruq mill-art tagħhom li jien tajthom,’+ qal Ġeħova Alla tiegħek.”