Eżodu
16 Iktar tard telqu minn Elim,+ u l-ġemgħa kollha taʼ wlied Israel fl-aħħar waslet fix-xagħri tas-Sin,+ li qiegħed bejn Elim u s-Sinaj, nhar il-ħmistax tat-tieni xahar wara li ħarġu mill-art taʼ l-Eġittu.
2 U l-ġemgħa kollha taʼ wlied Israel bdiet tgerger kontra Mosè u Aron fix-xagħri.+ 3 U wlied Israel bdew jgħidulhom: “Mhux li mitna+ b’id Ġeħova fl-art taʼ l-Eġittu waqt li konna bil-qiegħda ħdejn il-borom tal-laħam,+ waqt li konna nieklu ħobż sakemm nixbgħu, għaliex intom ħriġtuna f’dan ix-xagħri biex toqtlu lil din il-kongregazzjoni kollha bil-ġuħ.”+
4 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Ara! Se nibagħtilkom xita taʼ ħobż mis-smewwiet;+ u n-nies iridu joħorġu jiġbru kull wieħed l-ammont tiegħu minn jum għal jum,+ sabiex ngħaddihom minn prova ħalli nara jekk jimxux mal-liġi tiegħi jew le.+ 5 U jrid iseħħ fis-sitt jum+ li jridu jħejju dak li se jiġbru, u dan irid ikun id-doppju taʼ dak li jiġbru minn jum għal jum.”+
6 Għalhekk, Mosè u Aron qalu lill-ulied kollha taʼ Israel: “Fil-għaxija żgur li tkunu tafu li Ġeħova kien li ħariġkom mill-art taʼ l-Eġittu.+ 7 U fil-għodu taraw il-glorja taʼ Ġeħova,+ għaliex hu semaʼ t-tgergir tagħkom kontra Ġeħova. U aħna x’aħna sabiex tgergru kontrina?” 8 U Mosè kompla: “Dan jiġri meta Ġeħova fil-għaxija jagħtikom il-laħam x’tieklu u fil-għodu ħobż biex tixbgħu, għaliex Ġeħova semaʼ t-tgergir tagħkom li qed tgergru kontrih. U aħna x’aħna? It-tgergir tagħkom mhux kontrina, imma kontra Ġeħova.”+
9 U Mosè ssokta jgħid lil Aron: “Għid lill-ġemgħa kollha taʼ wlied Israel, ‘Ersqu qrib quddiem Ġeħova, għaliex hu semaʼ t-tgergir tagħkom.’”+ 10 Imbagħad ġara li, malli Aron kellem lill-ġemgħa kollha taʼ wlied Israel, dawn daru wiċċhom lejn ix-xagħri, u, ara, il-glorja taʼ Ġeħova dehret fis-sħaba.+
11 U Ġeħova kompla jkellem lil Mosè, u qallu: 12 “Smajt it-tgergir taʼ wlied Israel.+ Kellimhom, u għidilhom, ‘Bejn inżul ix-xemx u d-dlam tieklu l-laħam u fil-għodu tixbgħu bil-ħobż;+ u żgur li tkunu tafu li jien Ġeħova Alla tagħkom.’”+
13 Għaldaqstant ġara li fil-għaxija beda ġej is-summien+ u jgħatti l-kamp, u fil-għodu kien hemm saff nida madwar il-kamp.+ 14 Wara ftit, is-saff nida evapora, u fuq wiċċ ix-xagħri kien hemm xi ħaġa fina li titfarrak,+ fina bħall-ġlata+ fuq l-art. 15 Meta rawha, ulied Israel bdew jgħidu lil xulxin: “Din x’inhi?” Għax ma kinux jafu x’inhi. Għalhekk, Mosè qalilhom: “Dan hu l-ħobż li Ġeħova takom bħala ikel.+ 16 Din hi l-kelma li kkmanda Ġeħova, ‘Iġbru ftit minnu, kull wieħed skond kemm jiflaħ jiekol. Għandkom tieħdu kejl taʼ l-għomer+ għal kull individwu skond l-għadd taʼ persuni* li kull wieħed minnkom għandu fit-tinda tiegħu.’” 17 U wlied Israel bdew jagħmlu hekk; u ġabruh, xi wħud ġabru ħafna u xi wħud ġabru ftit. 18 Meta kienu jkejluh bl-għomer, min kien ikun ġabar ħafna ma kienx ikollu żejjed u min kien ikun ġabar ftit ma kienx ikollu nieqes.+ Kull wieħed ġabar skond kemm kien jiflaħ jiekol.
19 U Mosè qalilhom: “Ħalli ħadd ma jħalli minnu għal fil-għodu.”+ 20 Imma huma ma tawhx widen lil Mosè. Meta xi wħud kienu jħallu ftit minnu għal fil-għodu, kien idewwed u jinten;+ u Mosè għadab għalihom.+ 21 U kienu jiġbru minnu kull fil-għodu,+ kull wieħed skond kemm kien jiflaħ jiekol. Meta x-xemx kienet tisħon, kien idub.
22 U ġara li fis-sitt jum kienu jiġbru d-doppju ħobż,+ żewġ kejlijiet taʼ l-għomer għal kull persuna. Għalhekk, il-kapijiet ewlenin kollha tal-ġemgħa ġew u taw l-aħbar lil Mosè. 23 U hu qalilhom: “Dan qal Ġeħova. Għada jkun hemm osservanza tas-Sabat,* Sabat imqaddes lil Ġeħova.+ Dak li tistgħu taħmu, aħmuh,+ u dak li tistgħu tgħallu, għalluh, u ż-żejjed kollu li jkun fadal erfgħuh għalikom u żommuh sa fil-għodu.” 24 Għaldaqstant refgħuh għal fil-għodu, bħalma kien ordna Mosè; u la niten u lanqas rabba d-dud.+ 25 Imbagħad Mosè qalilhom: “Kuluh illum, għaliex illum hu Sabat+ lil Ġeħova. Illum ma ssibuhx fir-rabaʼ. 26 Għal sitt ijiem tiġbruh, imma s-sebaʼ jum hu Sabat.+ Dakinhar ma jkun hemm xejn.” 27 Madankollu, fis-sebaʼ jum ġara li xi wħud min-nies ħarġu jiġbruh, imma ma sabu xejn.
28 Għaldaqstant, Ġeħova qal lil Mosè: “Kemm se ddumu tirrifjutaw li tħarsu l-kmandamenti tiegħi u l-liġijiet tiegħi?+ 29 Ara! Ġeħova takom is-Sabat.+ Huwa għalhekk li fis-sitt jum qed jagħtikom il-ħobż għal jumejn. Ibqgħu bil-qiegħda kull wieħed f’postu.+ Ħalli ħadd ma joħroġ minn postu fis-sebaʼ jum.” 30 U n-nies osservaw is-Sabat fis-sebaʼ jum.+
31 U dar Israel semmiet dan il-ħobż “manna.” U din kienet bajda bħaż-żerriegħa tal-kosbor, u t-togħma tagħha kienet bħal tal-ftajjar bl-għasel.+ 32 Imbagħad Mosè qal: “Din hi l-kelma li kkmanda Ġeħova, ‘Imlew kejl taʼ l-għomer minnu bħala xi ħaġa li għandha tinżamm matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom,+ sabiex jaraw il-ħobż li ġegħeltkom tieklu fix-xagħri meta kont qed noħroġkom mill-art taʼ l-Eġittu.’”+ 33 Għalhekk, Mosè qal lil Aron: “Aqbad ġarra u poġġi fiha għomer manna u qegħedha quddiem Ġeħova bħala xi ħaġa li għandha tinżamm matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom.”+ 34 Sewwasew bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè, Aron qegħedha quddiem it-Testimonjanza+ bħala xi ħaġa li għandha tinżamm. 35 U wlied Israel kielu l-manna għal erbgħin sena,+ sakemm waslu f’art abitata.+ Kielu l-manna sakemm waslu fil-fruntiera taʼ l-art taʼ Kangħan.+ 36 Issa għomer hu wieħed minn għaxra taʼ kejl t’efa.