Marku
13 Hu u ħiereġ mit-tempju wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: “Għalliem, ara! X’ġebel u x’bini dan!”+ 2 Madankollu, Ġesù qallu: “Qed tarah dan il-bini kbir?+ Żgur li hawnhekk ma titħalliex ġebla fuq oħra+ li ma tiġġarrafx.”+
3 U waqt li kien bil-qiegħda fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ minfejn setaʼ jara t-tempju, Pietru+ u Ġakbu u Ġwanni u Indrì sabuh waħdu u bdew jistaqsuh:+ 4 “Għidilna, Dan meta se jseħħ, u x’se jkun is-sinjal taʼ meta dan kollu għandu jiġi f’konklużjoni?”+ 5 Għalhekk, Ġesù beda jgħidilhom: “Oqogħdu attenti li ħadd ma jqarraq bikom.+ 6 Ħafna jiġu f’ismi u jgħidu, ‘Jien hu,’ u jqarrqu b’ħafna.+ 7 Iktar minn hekk, meta tisimgħu bi gwerer u aħbarijiet taʼ gwerer, titwerwrux; dan irid iseħħ, imma ma jkunx għadu t-tmiem.+
8 “Għax ġens iqum kontra ġens u saltna kontra saltna,+ ikun hemm terremoti+ f’post wara l-ieħor, ikun hemm nuqqas taʼ ikel.+ Dan hu l-bidu taʼ l-uġigħ, bħall-uġigħ tal-ħlas.+
9 “U intom, oqogħdu attenti għalikom infuskom; in-nies jagħtukom f’idejn il-qrati tal-post,+ u tissawtu fis-sinagogi+ u tidhru quddiem gvernaturi u slaten minħabba fija, bħala xiehda għalihom.+ 10 Ukoll, l-ewwel trid tiġi pridkata+ l-aħbar tajba fil-ġnus kollha.+ 11 Imma meta jkunu qed jiħdukom biex jagħtukom f’idejhom, tkunux ansjużi minn qabel dwar x’se tgħidu;+ imma għidu dak li jingħatalkom dak il-ħin, għax mhux intom tkunu qed titkellmu, imma l-ispirtu qaddis.+ 12 Iktar minn hekk, l-aħwa se jagħtu lil xulxin għall-mewt, u missier lil ibnu,+ u l-ulied se jqumu kontra l-ġenituri u jagħtuhom għall-mewt;+ 13 u tkunu mibgħudin minn kulħadd minħabba ismi.+ Imma min jissaporti sat-tmiem+ jiġi salvat.+
14 “Madankollu, meta taraw il-ħaġa moqżieża+ li ġġib ħerba+ wieqfa fejn m’għandhiex tkun (ħa juża moħħu l-qarrej),+ imbagħad dawk li jkunu fil-Lhudija ħa jaħarbu lejn il-muntanji.+ 15 Min ikun fuq il-bejt ħa ma jinżilx, u lanqas jidħol ġewwa biex jieħu xi ħaġa minn daru;+ 16 u min ikun fl-għalqa ħa ma jerġax lura għal dak li ħalla warajh biex jieħu l-mantar tiegħu.+ 17 Gwaj għan-nisa tqal u għal dawk li jreddgħu f’dawk il-jiem!+ 18 Ibqgħu itolbu biex dan ma jkunx fix-xitwa;+ 19 għax dawk il-jiem ikunu taʼ tribulazzjoni+ li qatt ma kien hawn bħalha mill-bidu tal-ħolqien li ħalaq Alla sa dak iż-żmien, u qatt ma jerġaʼ jkun hawn.+ 20 Fil-fatt, kieku Ġeħova+ ma qassarx il-jiem, ebda bniedem ma jiġi salvat. Imma, minħabba l-magħżulin+ li għażel,+ qassar il-jiem.+
21 “Imbagħad, ukoll, jekk xi ħadd jgħidilkom, ‘Ara! Hawn qiegħed il-Kristu,’ ‘Ara! Hemm qiegħed,’+ temmnuhx.+ 22 Għax iqumu Kristijiet foloz u profeti foloz+ u jagħmlu sinjali u għeġubijiet+ biex jiżvijaw, jekk jistaʼ jkun, lill-magħżulin.+ 23 Għalhekk, oqogħdu attenti;+ jien għedtilkom kollox minn qabel.+
24 “Imma f’dawk il-jiem, wara dik it-tribulazzjoni, ix-xemx tiddallam, u l-qamar ma jagħtix dawl, 25 u l-kwiekeb jaqgħu mis-sema, u l-qawwiet li huma fis-smewwiet jitheżżu.+ 26 U mbagħad jaraw lil Bin il-bniedem+ ġej fis-sħab b’qawwa u glorja kbira.+ 27 Imbagħad jibgħat lill-anġli u jiġbor flimkien lill-magħżulin tiegħu+ mill-erbat irjieħ, minn tarf l-art sa tarf is-sema.+
28 “Issa tgħallmu mis-siġra tat-tin din it-tixbiha: Hekk kif il-fergħa ġdida tagħha tkun għadha ratba u toħroġ il-weraq, tkunu tafu li qorob is-sajf.+ 29 Hekk ukoll intom, meta taraw dawn l-affarijiet iseħħu, kunu afu li hu qrib, fil-bieb.+ 30 Tassew ngħidilkom li din il-ġenerazzjoni żgur ma tgħaddix sakemm iseħħ dan kollu.+ 31 Is-sema+ u l-art jgħaddu, imma kliemi+ ma jgħaddix.+
32 “Imma dak il-jum u s-siegħa ma jafhom ħadd, la l-anġli fis-sema u lanqas l-Iben, ħlief il-Missier.+ 33 Ibqgħu għassu, ibqgħu mqajmin,+ għax ma tafux meta hu ż-żmien stabbilit.+ 34 Hu bħal raġel li siefer+ u ħalla daru u ta l-awtorità lill-ilsiera tiegħu, lil kull wieħed xogħlu, u ordna lil tal-bieb jibqaʼ għassa. 35 Għalhekk, ibqgħu għassa,+ għax ma tafux meta ġej sid id-dar, jekk hux tard fil-jum* jew f’nofsillejl* jew x’ħin jidden is-serduq* jew kmieni fil-għodu;*+ 36 sabiex meta jasal għal għarrieda, ma jsibkomx reqdin.+ 37 Imma dak li ngħid lilkom ngħidu lil kulħadd, Ibqgħu għassa.”+