Eżekjel
18 U rċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Xi jfisser dan il-proverbju li jgħidu fl-art t’Iżrael, ‘Il-missirijiet kielu għeneb qares, imma ddarrsu s-snien tat-tfal tagħhom’?
3 “Ġeħova s-Sid taʼ Kollox* jgħid, ‘Naħlef bija nnifsi daqskemm jien ħaj li mhux se tibqgħu tgħidu dan il-proverbju f’Iżrael. 4 L-erwieħ* kollha huma tiegħi. Bħalma r-ruħ tal-missier hi tiegħi, hekk hi r-ruħ tal-iben. Ir-ruħ* li tidneb hi dik li tmut.
5 “‘Ejja ngħidu li jkun hemm raġel ġust u jagħmel dak li hu ġust u sewwa. 6 Dan ma jikolx mis-sagrifiċċji idolatrużi fuq il-muntanji; ma jittamax fl-idoli diżgustanti* tal-poplu t’Iżrael; ma jiddiżonorax il-mara taʼ xi ħadd ieħor jew ikollu relazzjoni sesswali maʼ mara meta jkollha d-demm li jiġiha kull xahar; 7 ma jittratta ħażin lil ħadd, imma jagħti lura dak li jkun ħa bħala garanzija taʼ self; ma jisraq lil ħadd, imma jagħti l-ikel tiegħu stess lil min hu bil-ġuħ u jagħti x’jilbes lil min hu għarwien; 8 ma jsellifx bl-imgħax jew bl-użura, imma joqgħod attent li ma jaġixxix bl-inġustizzja; hu jagħmel ġustizzja vera bejn raġel u ieħor; 9 u jibqaʼ jobdi l-liġijiet tiegħi u jżomm mad-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi biex jaġixxi b’lealtà. Raġel bħal dan hu ġust u żgur li jibqaʼ jgħix,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.
10 “‘Imma ejja ngħidu li għandu tifel li hu ħalliel jew qattiel,* jew jagħmel xi waħda minn dawn l-affarijiet: 11 (għalkemm il-missier ma jkun għamel xejn minn dawn l-affarijiet) jiekol mis-sagrifiċċji idolatrużi fuq il-muntanji, jiddiżonora lil mara taʼ xi ħadd ieħor, 12 jittratta ħażin lil min hu fil-bżonn u lill-fqir, jisraq, ma jagħtix lura dak li jkunu tawh bħala garanzija taʼ self, jafda fl-idoli diżgustanti, jagħmel affarijiet moqżieża, 13 u jsellef bl-użura jew jieħu l-imgħax. Dan l-iben ma jibqax jgħix. Minħabba l-affarijiet moqżieża li għamel, hu żgur li jinqatel. Demmu stess ikun fuqu.
14 “‘Imma ejja ngħidu li jkun hemm tifel li jara d-dnubiet kollha li għamel missieru, u minkejja li jarahom, hu ma jagħmilx dawn l-affarijiet. 15 Ma jikolx mis-sagrifiċċji idolatrużi fuq il-muntanji; ma jittamax fl-idoli diżgustanti tal-poplu t’Iżrael; ma jiddiżonorax lil mara taʼ xi ħadd ieħor; 16 ma jittratta ħażin lil ħadd; ma jaħtafx dak li jkun ħa bħala garanzija taʼ self; ma jisraq lil ħadd; jagħti l-ikel tiegħu stess lil min hu bil-ġuħ; jagħti x’jilbes lil min hu għarwien; 17 ma jaħqarx lil min hu fqir; ma jsellifx bl-użura jew jieħu l-imgħax; u jżomm mad-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi u jobdi l-liġijiet tiegħi. Raġel bħal dan mhux se jmut minħabba d-dnub taʼ missieru. Hu żgur li jibqaʼ ħaj. 18 Imma peress li missieru għamel il-frodi, seraq lil ħuh, u għamel dak li hu ħażin fost il-poplu tiegħu, hu jmut minħabba d-dnub tiegħu.
19 “‘Imma intom se tgħidu: “Għala l-iben m’għandux ibati l-konsegwenzi tad-dnub taʼ missieru?” Ladarba l-iben għamel dak li hu ġust u sewwa, u żamm mal-liġijiet tiegħi u obdiehom, hu żgur li jibqaʼ ħaj. 20 Ir-ruħ* li tidneb hi dik li tmut. L-iben mhux se jbati l-konsegwenzi tad-dnub taʼ missieru, u l-missier mhux se jbati l-konsegwenzi taʼ ibnu. Min jaġixxi b’mod ġust biss se jiġi ppremjat għall-ġustizzja tiegħu, u min jagħmel il-ħażin biss se jiġi kkastigat għall-ħażen tiegħu.
21 “‘Issa jekk xi ħadd ħażin ma jibqax jagħmel id-dnubiet li jkun qed jagħmel, jobdi l-liġijiet tiegħi, u jagħmel dak li hu ġust u sewwa, hu żgur jibqaʼ ħaj. Ma jmutx. 22 Jien mhux se nikkastigah* għad-dnubiet li jkun għamel. Hu jibqaʼ ħaj talli jkun qed jagħmel dak li hu sewwa.’
23 “Ġeħova s-Sid taʼ Kollox jgħid: ‘Jaqaw jien nieħu pjaċir bil-mewt taʼ xi ħadd ħażin? Jaqaw ma nippreferix jien li hu ma jibqax jagħmel il-ħażen u jibqaʼ ħaj?’
24 “‘Imma meta xi ħadd ġust ma jibqax jagħmel dak li hu tajjeb u jagħmel dak li hu ħażin* billi jagħmel l-affarijiet moqżieża kollha li jagħmel min hu ħażin, se jibqaʼ jgħix? L-affarijiet tajbin kollha li jkun għamel jintesew u se jmut minħabba n-nuqqas taʼ lealtà u d-dnub tiegħu.
25 “‘Imma intom se tgħidu: “Dak li għamel* Ġeħova mhuwiex ġust.” Jekk jogħġobkom isimgħuni, poplu t’Iżrael. Dak li nagħmel jien mhuwiex ġust? Mhux dak li tagħmlu intom mhuwiex ġust?
26 “‘Meta xi ħadd ġust ma jibqax jagħmel dak li hu tajjeb u jagħmel dak li hu ħażin u b’hekk imut, hu se jmut minħabba l-ħażen tiegħu stess.
27 “‘Meta xi ħadd ħażin ma jibqax jagħmel il-ħażen li jkun qed jagħmel u jibda jagħmel dak li hu ġust u sewwa, hu jibqaʼ ħaj.* 28 Meta jinduna li jkun qed jagħmel dak li hu ħażin u ma jibqax jagħmlu, hu żgur jibqaʼ ħaj. Ma jmutx.
29 “‘Imma l-poplu t’Iżrael se jgħid: “Dak li jagħmel Ġeħova mhux ġust.” Hu verament dak li nagħmel jien li mhuwiex ġust, poplu t’Iżrael? Mhux dak li tagħmlu intom li mhuwiex ġust?’
30 “Ġeħova s-Sid taʼ Kollox jgħid: ‘Għalhekk, se niġġudika lil kull wieħed skont kif jaġixxi, poplu t’Iżrael. Indmu u tibqgħux tagħmlu dak li hu ħażin ħalli ma tkunux t’ostaklu u ġġibu l-ħtija fuqkom. 31 Warrbu l-affarijiet ħżiena kollha li għamiltu, żviluppaw qalb ġdida, u biddlu l-mod kif taħsbuha, għax għala għandkom tmutu, poplu t’Iżrael?’
32 “‘Jien ma niħux pjaċir bil-mewt taʼ ħadd,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. ‘Mela duru lura u għixu.’”