Levitiku
24 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: 2 “Ikkmanda lill-Iżraelin biex iġibulek żejt taż-żebbuġa pur għad-dwal, biex il-lampi jibqgħu mixgħulin il-ħin kollu. 3 Aron għandu jagħmel arranġament biex il-lampi jibqgħu mixgħulin il-ħin kollu minn filgħaxija sa filgħodu quddiem Ġeħova, ’il barra mill-purtiera tat-Testimonjanza fit-tinda tal-laqgħa. Din hi liġi għal dejjem għall-ġenerazzjonijiet kollha tagħkom. 4 Hu għandu jqiegħed il-lampi fuq il-gandlier tad-deheb pur quddiem Ġeħova l-ħin kollu.
5 “Ħu dqiq fin u bih sajjar 12-il ħobża forma taʼ ftira. Kull ħobża jrid ikun fiha 20 fil-100 t’efa.* 6 U poġġihom fuq xulxin f’żewġ gruppi taʼ sitta, fuq il-mejda tad-deheb pur quddiem Ġeħova. 7 Għandek tqiegħed inċens abjad pur fuq kull grupp, u dan il-ħobż ikun bħala simbolu tal-offerta sħiħa,* offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova. 8 Kull Sabat, għandu jitqiegħed b’mod regolari quddiem Ġeħova. Dan hu patt għal żmien twil mal-Iżraelin. 9 Dan isir t’Aron u tat-tfal tiegħu, u huma jikluh f’post qaddis, għaliex hu xi ħaġa mill-iktar qaddisa għalih mill-offerti li jiġu maħruqin għal Ġeħova, bħala regola għal żmien twil.”
10 Fost l-Iżraelin kien hemm iben taʼ mara Iżraelija u taʼ raġel Eġizzjan, u nqalgħet ġlieda bejnu u bejn raġel Iżraeli fejn il-kampijiet. 11 L-iben tal-mara Iżraelija beda jidgħi* bl-Isem* u jisħtu. Għalhekk ħaduh għand Mosè. Ommu kien jisimha Selomit, bint Dibri mit-tribù taʼ Dan. 12 Huma żammewh maqful sakemm setgħu jaraw b’mod ċar x’kienet id-deċiżjoni taʼ Ġeħova.
13 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: 14 “Oħroġ lil dak li seħet ’il barra minn ħdejn il-kampijiet, u dawk kollha li semgħuh iridu jqiegħdu jdejhom fuq rasu, u mbagħad il-ġemgħa kollha trid twaddablu l-ġebel sakemm imut. 15 U għandek tgħid lill-Iżraelin, ‘Jekk xi bniedem jisħet lill-Alla tiegħu, irid ibati l-konsegwenzi tad-dnub tiegħu. 16 Għalhekk, min jidgħi bl-isem taʼ Ġeħova żgur li għandu jinqatel. Il-ġemgħa kollha żgur li għandha twaddablu l-ġebel. Ir-resident barrani li jkun dagħa bl-Isem għandu jinqatel l-istess bħal min jitwieled fil-pajjiż.
17 “‘Min joqtol lil xi ħadd,* żgur li għandu jinqatel. 18 Min isawwat u joqtol annimal taʼ xi ħadd* għandu jagħti kumpens għalih, ħajja b’ħajja. 19 Min iweġġaʼ lil xi ħadd, għandhom jagħmlulu bħalma jkun għamel hu. 20 Ksur bi ksur, għajn b’għajn, sinna b’sinna, l-istess tip taʼ wġigħ li kkaġuna għandu jiġi kkaġunat fuqu. 21 Min isawwat u joqtol annimal għandu jagħti kumpens għalih, imma min isawwat u joqtol bniedem għandu jinqatel.
22 “‘Deċiżjoni ġudizzjali waħda tapplika għalikom, kemm għar-resident barrani u kemm għal min jitwieled fil-pajjiż, għaliex jien Ġeħova l-Alla tagħkom.’”
23 Mosè mbagħad kellem lill-Iżraelin, u dawn ħarġu lil dak li kien seħet ’il barra minn ħdejn il-kampijiet, u waddbulu l-ġebel sakemm miet. B’hekk, l-Iżraelin għamlu eżatt bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.