L-Aħbar Tajba Skont Mattew
2 Ġesù twieled f’Betlem tal-Lhudija fi żmien ir-Re Erodi.* Wara, xi rġiel mil-Lvant li kienu jaqraw il-futur permezz tal-istilel* waslu Ġerusalemm, 2 u bdew jistaqsu: “Fejn hu r-re tal-Lhud li twieled? Għax aħna rajna l-istilla tiegħu meta konna fil-Lvant, u ġejna biex immilu quddiemu.” 3 Meta r-Re Erodi u n-nies kollha f’Ġerusalemm semgħu dwar dan, inkwetaw ħafna. 4 B’hekk, hu ġabar flimkien lill-iktar qassisin importanti u l-iskribi u staqsiehom fejn kellu jitwieled il-Kristu.* 5 Huma qalulu: “F’Betlem tal-Lhudija, għax il-profeta kiteb hekk: 6 ‘U int, Betlem tal-art taʼ Ġuda, żgur li int belt importanti fost il-bliet taʼ dawk li jmexxu f’Ġuda, għax minnek se joħroġ mexxej li se jkun bħal ragħaj għall-poplu tiegħi Iżrael.’”
7 Imbagħad Erodi bagħat bil-moħbi għal dawk l-irġiel li kienu jaqraw il-futur permezz tal-istilel u sar jaf bl-eżatt meta dehret l-istilla. 8 Qabel bagħathom Betlem, hu qalilhom: “Morru fittxu sew fejn qiegħed it-tifel, u meta ssibuh, ejjew għiduli ħalli anki jien immur immil quddiemu.” 9 Wara li qalilhom dan, huma marru Betlem. U l-istilla li raw meta kienu fil-Lvant imxiet quddiemhom u waqfet fejn kien hemm it-tifel. 10 Meta raw li l-istilla waqfet, tgħidx kemm ferħu. 11 U meta daħlu fid-dar, huma raw it-tifel m’ommu Marija. Huma mielu quddiemu u tawh deheb, inċens, u mirra bħala rigali. 12 Madankollu, peress li Alla kien wissiehom f’ħolma biex ma jmorrux lura għand Erodi, huma marru f’pajjiżhom minn triq oħra.
13 Wara li telqu, l-anġlu taʼ Ġeħova* deher lil Ġużeppi f’ħolma u qallu: “Qum, ħu lit-tifel u lil ommu u aħarbu l-Eġittu, u ibqaʼ hemm sakemm ngħidlek jien għax Erodi se jfittex it-tifel biex joqtlu.” 14 Għalhekk, Ġużeppi qam matul il-lejl u mar l-Eġittu mat-tifel u Marija. 15 Hu baqaʼ hemm sakemm miet Erodi. B’hekk ġara bħalma qal Ġeħova* permezz tal-profeta tiegħu: “Mill-Eġittu għajjatt lil ibni.”
16 Erodi rrabja ħafna meta nduna li dawk li kienu jaqraw il-futur permezz tal-istilel qarrqu bih. Għalhekk ikkmanda lill-qaddejja tiegħu biex imorru u joqtlu s-subien kollha minn sentejn ’l isfel tal-belt taʼ Betlem u tal-postijiet taʼ madwarha. Hu kkalkula l-età tat-tifel minn dak li qalulu l-irġiel li raw l-istilla. 17 Imbagħad ġara dak li Alla qal permezz tal-profeta Ġeremija: 18 “Instemaʼ xi ħadd jibki fuq li jibki f’Rama. Kienet Rakele qed tibki lit-tfal tagħha, u ma riedet lil ħadd jgħinha tħossha aħjar, għax it-tfal tagħha mietu.”
19 Meta miet Erodi, l-anġlu taʼ Ġeħova* deher f’ħolma lil Ġużeppi fl-Eġittu 20 u qallu: “Qum, ħu lit-tifel u lil ommu fl-art t’Iżrael, għax dawk li riedu joqtlu lit-tifel mietu.” 21 Għalhekk, qam u reġaʼ lura fl-art t’Iżrael mat-tifel u Marija. 22 Imma meta sar jaf li Arkelaw kien qed imexxi fil-Lhudija minflok missieru Erodi, beżaʼ jmur hemm. Iktar minn hekk, Alla kien wissieh f’ħolma oħra biex ma jmurx hemm, u b’hekk mar fit-territorju tal-Galilija. 23 Hu mar u ssetilja f’belt jisimha Nazaret, sabiex iseħħ dak li qal Alla permezz tal-profeti: “Hu jissejjaħ Nazzarenu.”*