Ġenesi
17 Meta Abram kellu 99 sena, Ġeħova deherlu u qallu: “Jien l-Alla li Jistaʼ Kollox. Imxi quddiemi u uri li int bla ħtija.* 2 Jien nagħmel il-patt tiegħi bejni u bejnek, u jien inkabbrek fuq li nkabbrek.”
3 Xħin semaʼ dan, Abram inxteħet wiċċu fl-art, u Alla kompla jkellmu u jgħidlu: 4 “Il-patt tiegħi hu miegħek, u int żgur issir missier taʼ ħafna popli. 5 Ismek ma jkunx iktar Abram;* ismek isir Abraham,* għax se nagħmlek missier taʼ ħafna popli. 6 Jien se nagħtik ħafna u ħafna tfal, u minnek joħorġu popli u rejiet.
7 “U nżomm il-patt tiegħi bejni u bejnek u bejn id-dixxendenti tiegħek* minn ġenerazzjoni għal oħra. Dan ikun patt għal dejjem biex inkun Alla għalik u għad-dixxendenti tiegħek.* 8 U nagħti lilek u lid-dixxendenti tiegħek* l-art fejn int qed tgħix bħala barrani, l-art kollha taʼ Kangħan, għal żmien twil, u jien inkun l-Alla tagħhom.”
9 Alla kompla jgħid lil Abraham: “Inkwantu għalik, int trid iżżomm il-patt tiegħi, int u d-dixxendenti tiegħek* minn ġenerazzjoni għal oħra. 10 Dan hu l-patt tiegħi bejni u bejnek, sabiex int u d-dixxendenti tiegħek* iżżommuh: Kull raġel u tifel fostkom irid jiġi ċirkonċiż. 11 Iċ-ċirkonċiżjoni għandha sservi bħala sinjal tal-patt bejni u bejnkom. 12 Minn ġenerazzjoni għal oħra, kull tifel li jitwieled fid-dar tiegħek għandu jiġi ċirkonċiż meta jkollu tmint ijiem. U jrid jiġi ċirkonċiż ukoll kull raġel u tifel li nxtara bil-flus mingħand barrani u li mhux mid-dixxendenti tiegħek.* 13 Kull raġel li jitwieled f’darek u kull raġel li jinxtara bi flusek għandu jiġi ċirkonċiż, u l-patt tiegħi f’laħamkom irid iservi bħala patt għal żmien twil. 14 U kull raġel u tifel li ma jkunx ċirkonċiż u li ma jagħmilx iċ-ċirkonċiżjoni, irid jiġi maqtul,* għax ikun kiser il-patt tiegħi.”
15 Imbagħad Alla qal lil Abraham: “U lil martek Saraj m’għandekx tgħajtilha Saraj,* għaliex Sara* jsir isimha. 16 Jien inberikha u wkoll nagħtik iben minnha; inberikha u hi ssir omm taʼ ħafna popli u rejiet.” 17 Għal dan Abraham inxteħet wiċċu fl-art, u beda jidħaq u jgħid f’qalbu: “Raġel taʼ 100 sena se titwilidlu tarbija, u Sara, mara taʼ 90 sena, se twelled?”
18 Allura Abraham qal lill-Alla l-veru: “Jalla jgħix Ismagħel quddiemek!” 19 U Alla qallu: “Martek Sara żgur li tilidlek iben, u għandek issemmih Iżakk.* U jien nikkonferma l-patt tiegħi miegħu. Dan se jkun patt għal dejjem mad-dixxendenti tiegħu.* 20 Imma dak li għedt dwar Ismagħel, smajtu. Jien inbierku u jkollu ħafna tfal u nkabbru fuq li nkabbru. Minnu se joħorġu 12-il kap taʼ tribù, u se nagħmlu poplu kbir. 21 Madankollu, jien se nikkonferma l-patt tiegħi maʼ Iżakk, li se tilidlek Sara bħal dan iż-żmien sena.”
22 Meta Alla qal dan il-kliem lil Abraham, telaq minn ħdejh. 23 Abraham imbagħad ħa lil ibnu Ismagħel, lill-irġiel kollha li twieldu f’daru, u lil kull min kien xtara bil-flus, jiġifieri lil kull raġel u tifel fid-dar tiegħu, u għamlilhom iċ-ċirkonċiżjoni dakinhar stess, bħalma kien qallu Alla. 24 Abraham kellu 99 sena meta saritlu ċ-ċirkonċiżjoni. 25 U ibnu Ismagħel kellu 13-il sena meta saritlu ċ-ċirkonċiżjoni. 26 Dakinhar stess, ġie ċirkonċiż Abraham u ibnu Ismagħel ukoll. 27 L-irġiel kollha taʼ daru, kull min twieled fid-dar u kull min inxtara bil-flus mingħand xi barrani, ġew ċirkonċiżi miegħu wkoll.