Eżekjel
47 U mbagħad ħadni lura lejn id-daħla tad-Dar,+ u kien hemm l-ilma+ ħiereġ minn taħt l-għatba tad-Dar lejn il-lvant,+ għax in-naħa taʼ quddiem tad-Dar kienet fil-lvant. U l-ilma kien nieżel minn taħt, min-naħa tal-lemin tad-Dar, lejn in-nofsinhar taʼ l-artal.
2 U ħariġni billi għaddieni mill-bieb tat-tramuntana+ u ħadni mit-triq taʼ barra għall-bieb taʼ barra li jħares lejn il-lvant,+ u l-ilma+ kien nieżel min-naħa tal-lemin.
3 Meta r-raġel mar lejn il-lvant b’ħabel tal-kejl f’idu,+ hu kejjel elf kubitu u għaddieni mill-ilma, ilma li kien jilħaq l-għekiesi taʼ saqajja.
4 U kejjel elf oħra u għaddieni mill-ilma, ilma li kien sa rkopptejja.
U kejjel elf oħra u reġaʼ għaddieni minnu—l-ilma kien sa ġenbejja.
5 U kejjel elf oħra. U kien wied li ma stajtx ngħaddi minnu, għax l-ilma kien għola, ilma li stajt tgħum fih, wied li ma stajtx tgħaddi minnu.
6 Imbagħad, qalli: “Rajtu dan, O bin il-bniedem?”
Wara dan, mexxieni u ħadni lura lejn ix-xatt tal-wied. 7 Meta rġajt lura, ara, fuq ix-xatt tal-wied kien hemm ħafna u ħafna siġar, fuq din in-naħa u fuq in-naħa l-oħra.+ 8 U qalli: “Dan l-ilma sejjer lejn ir-reġjun tal-lvant u se jinżel u jgħaddi mill-Għaraba.+ U jasal sal-baħar.+ U meta jmur fil-baħar,+ l-ilma tiegħu jfiq. 9 U jrid iseħħ li kull ruħ li tgħix fi qtajjaʼ,+ f’kull post fejn imur il-wied li għola d-doppju, se tieħu l-ħajja. U jkun hemm ħafna u ħafna ħut, għax hemmhekk se jmur dan l-ilma, u l-ilma baħar ifiq,+ u kulfejn imur il-wied kollox ikun ħaj.
10 “U jrid iseħħ li s-sajjieda jieqfu ħdejh minn Għajn-gedi+ sa Għajn-għeġlajm. Hemmhekk ikun hemm wesgħa fejn inixxfu x-xbieki tas-sajd. Se jkun hemm ħafna u ħafna tipi taʼ ħut, bħall-ħut tal-Baħar il-Kbir.*+
11 “Il-postijiet tiegħu bl-ilma qiegħed u l-postijiet kollhom għadajjar ma jfiqux.+ Dawn jingħataw għall-melħ.+
12 “U mal-ġnub tal-wied, max-xatt fuq naħa u fuq oħra, jitilgħu kull xorta taʼ siġar tajbin għall-ikel.+ Il-weraq tagħhom ma jidbielx,+ u l-frott tagħhom ma jispiċċax.+ Kull xahar jagħmlu frott ġdid, għax l-ilma għalihom ħiereġ mis-santwarju stess.+ U l-frott tagħhom ikun għall-ikel u l-weraq tagħhom għall-fejqan.”+
13 Hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova: “Dan hu t-territorju li se tqassmu b’wirt bejnietkom bħala l-art għat-tnax-il tribù taʼ Israel, b’żewġ biċċiet art għal Ġużeppi.+ 14 U intom se tirtu, kull wieħed daqs ħuh, l-art li għaliha għollejt idi biex naħlef+ li nagħtiha lil missirijietkom;+ u din l-art tirtuha skond kif imisskom bix-xorti.+
15 “U din hi l-fruntiera taʼ l-art fuq in-naħa tat-tramuntana, mill-Baħar il-Kbir ħdejn it-triq għal Ħetlon,+ u tibqaʼ sejra Sedad,+ 16 Ħamat,+ Berota,+ Sibrajm, bejn il-fruntiera taʼ Damasku+ u l-fruntiera taʼ Ħamat; Ħaser-ħattikon, li qiegħed lejn il-fruntiera taʼ Ħawran.+ 17 U l-fruntiera mill-baħar tkun Ħasar-għenon,+ il-fruntiera taʼ Damasku u t-tramuntana—lejn it-tramuntana, u l-fruntiera taʼ Ħamat.+ Din hi n-naħa tat-tramuntana.
18 “U n-naħa tal-lvant hi minn bejn Ħawran+ u Damasku+ u tul il-Ġordan+ bejn Gilegħad+ u l-art taʼ Israel; mill-fruntiera sal-baħar tal-lvant għandkom tkejlu. Din hi n-naħa tal-lvant.
19 “U n-naħa tan-nofsinhar, li tħares lejn in-nofsinhar, hi minn Tamar+ sa l-ilmijiet taʼ Meribat-kades,+ il-wied*+ lejn il-Baħar il-Kbir. Din hi n-naħa lejn in-nofsinhar, lejn in-Negeb.
20 “U fin-naħa tal-punent hemm il-Baħar il-Kbir, mill-fruntiera dritt sad-daħla taʼ Ħamat.+ Din hi n-naħa tal-punent.”
21 “U tridu tqassmu din l-art bejnietkom, lit-tnax-il tribù taʼ Israel. 22 U tridu tqassmuha b’wirt għalikom+ u għar-residenti barranin li qed jgħixu f’nofskom bħala barranin,+ li nisslu l-ulied f’nofskom. U jsiru għalikom bħal nies tal-post fost ulied Israel. Magħkom ikun imisshom wirt f’nofs it-tribujiet taʼ Israel.+ 23 U jrid iseħħ li lir-resident barrani tagħtuh wirtu fit-tribù li jkun mar jgħix fih bħala barrani,” hija l-kelma tal-Mulej Sovran Ġeħova.