It-Tieni Ktieb taʼ Samwel
6 David reġaʼ ġabar l-aqwa suldati f’Iżrael, 30,000 raġel. 2 Imbagħad David u l-irġiel kollha li kienu miegħu marru Bagħale-ġuda biex itellgħu minn hemmhekk l-Arka tal-Alla l-veru, li quddiemha n-nies jgħajtu l-isem taʼ Ġeħova tal-armati, li qiegħed bilqiegħda fuq it-tron fuq* il-kerubini. 3 Madankollu, l-Arka tal-Alla l-veru għabbewha fuq karru ġdid biex iġorruha mid-dar t’Abinadab, li kienet fuq l-għolja. Dan il-karru kienu qed imexxuh Użżah u Aħjo, it-tfal t’Abinadab.
4 Għalhekk, ġarrew l-Arka tal-Alla l-veru mid-dar t’Abinadab, u Aħjo kien miexi quddiem l-Arka. 5 David u d-dar kollha t’Iżrael kienu qed jiċċelebraw quddiem Ġeħova b’kull tip taʼ strument tal-injam tal-ġnibru, bl-arpi, bi strumenti oħra tal-korda, bit-tanburlini, bis-sistra, u biċ-ċimbali. 6 Imma meta waslu ħdejn Nakon, il-post fejn jiġu sseparati ċ-ċereali,* Użżah żamm l-Arka tal-Alla l-veru għax il-barrin kienu kważi qelbuha. 7 Għalhekk, Ġeħova l-Alla l-veru rrabja ħafna maʼ Użżah u qatlu hemm ħdejn l-Arka talli ma rrispettax il-liġi tiegħu. 8 Imma David irrabja* minħabba li Ġeħova kien iġġudika malajr lil Użżah, u minn dakinhar dan il-post issemma Pereż-użżah.* 9 Għalhekk, David beżaʼ minn Ġeħova dakinhar u qal: “Kif tistaʼ tiġi għandi l-Arka taʼ Ġeħova?” 10 David ma riedx jieħu l-Arka taʼ Ġeħova fejn kien joqgħod hu fil-Belt taʼ David. Minflok, ikkmanda biex jiħduha d-dar t’Għobed-edom il-Gitti.
11 L-Arka taʼ Ġeħova baqgħet fid-dar t’Għobed-edom il-Gitti tliet xhur, u Ġeħova baqaʼ jbierek lilu u lin-nies kollha taʼ daru. 12 Lir-Re David waslitlu l-aħbar: “Ġeħova bierek id-dar t’Għobed-edom u kulma għandu minħabba l-Arka tal-Alla l-veru.” B’ferħ, David mar jieħu l-Arka tal-Alla l-veru mid-dar t’Għobed-edom u tellagħha lejn il-Belt taʼ David. 13 Meta dawk li kienu qed iġorru l-Arka taʼ Ġeħova mxew sitt passi, hu offra barri u annimal imsemmen bħala sagrifiċċju.
14 David kien liebes efod* tal-għażel u beda jdur u jiżfen kemm jiflaħ quddiem Ġeħova. 15 David u d-dar kollha t’Iżrael kienu qed itellgħu l-Arka taʼ Ġeħova, jgħajtu bil-ferħ, u jdoqqu l-qarn. 16 Imma meta l-Arka taʼ Ġeħova waslet fil-Belt taʼ David, Mikal bint Sawl ħarset ’l isfel mit-tieqa u rat lir-Re David jaqbeż u jiżfen quddiem Ġeħova; u bdiet tmaqdru f’qalbha. 17 U daħħlu l-Arka taʼ Ġeħova u qegħduha f’postha fit-tinda li David kien rama għaliha. Imbagħad David offra offerti tal-ħruq u sagrifiċċji tal-paċi quddiem Ġeħova. 18 Wara li David offra l-offerti tal-ħruq u s-sagrifiċċji tal-paċi, bierek lin-nies f’isem Ġeħova tal-armati. 19 Barra minn hekk, hu ta ħobża forma taʼ ftira, ċappa tamal, u ċappa żbib lil kull raġel u mara mill-folla kollha t’Iżrael. Wara dan, kulħadd telaq lejn daru.
20 Meta David reġaʼ lura biex ibierek lin-nies taʼ daru stess, Mikal ħarġet tiltaqaʼ miegħu. Hi qaltlu: “Kemm iddiżonorajt lilek innifsek illum, re t’Iżrael! Int neħħejt il-ħwejjeġ taʼ fuq quddiem it-tfajliet ilsiera tal-qaddejja tiegħek, bħalma jagħmel raġel stupidu.” 21 David wieġeb lil Mikal: “Jien iċċelebrajt quddiem Ġeħova, li għażel lili minflok lil missierek u lill-familja tiegħu u li għamilni mexxej fuq Iżrael, il-poplu taʼ Ġeħova. Għalhekk, jien niċċelebra quddiem Ġeħova, 22 u nsir saħansitra iktar umli minn hekk u anki nqis lili nnifsi mhux importanti. Imma jien niġi gglorifikat mit-tfajliet ilsiera li semmejt int.” 23 Għalhekk, Mikal bint Sawl ma kellhiex tfal sakemm mietet.