It-Tieni Ktieb taʼ Samwel
15 Wara dawn l-affarijiet kollha, Absalom talab li jagħmlulu karru u jġibulu ż-żwiemel u 50 raġel biex jiġru quddiemu. 2 Absalom kien iqum kmieni u joqgħod fil-ġenb tat-triq li tagħti għal bieb il-belt. Kull meta xi raġel kien imur għand ir-re b’kawża legali, Absalom kien jgħajjatlu u jgħidlu: “Minn liema belt int?” u kien iwieġbu: “Jien, il-qaddej tiegħek, minn wieħed mit-tribujiet t’Iżrael.” 3 Absalom kien jgħidlu: “Dak li qed tgħid hu ġust u xieraq, imma r-re ma qabbad lil ħadd biex jismaʼ l-każ tiegħek.” 4 Absalom kien jgħid: “Mhux li kien insir imħallef fil-pajjiż! Kieku, kull raġel li jkollu kawża legali jew argument ikun jistaʼ jiġi għandi, u jien nagħmel ċert li ssir ġustizzja miegħu.”
5 U meta raġel kien jersaq lejh biex imil quddiemu, Absalom kien iressqu lejh u jbusu. 6 Absalom baqaʼ jagħmel dan lill-Iżraelin kollha li kienu jidħlu għand ir-re għall-ġudizzju. Għalhekk, baqaʼ jingħoġob* mal-irġiel t’Iżrael.
7 Wara erbaʼ snin,* Absalom qal lir-re: “Jekk jogħġbok, ħa mmur Ħebron biex nagħmel dak li wegħedt lil Ġeħova. 8 Għax meta jien, il-qaddej tiegħek, kont ngħix fil-Gesur fis-Sirja, għamilt din il-wegħda: ‘Jekk Ġeħova jiħodni lura lejn Ġerusalemm, jien nagħmel offerta għal* Ġeħova.’” 9 Allura r-re qallu: “Mur fil-paċi.” Għalhekk, mar Ħebron.
10 Absalom issa bagħat xi spiji fit-tribujiet kollha t’Iżrael u qalilhom biex malli jisimgħu l-ħoss tal-qarn, jgħidu, “Absalom sar re f’Ħebron!” 11 Issa 200 raġel minn Ġerusalemm marru flimkien m’Absalom. Hu stidinhom, u marru bla ma ssuspettaw xejn, għax ma kinux jafu x’qed jiġri. 12 U meta offra s-sagrifiċċji, Absalom bagħat għal Aħitofel il-Giloni, dak li kien jagħti l-pariri lil David, biex jiġi minn beltu Gilo. Il-pjan kompla jirnexxi, u n-nies li jappoġġaw lil Absalom kienu qed jiżdiedu.
13 U mar wieħed għand David u qallu: “L-Iżraelin qed jappoġġaw lil Absalom.” 14 Minnufih David qal lill-qaddejja kollha li kienu miegħu f’Ġerusalemm: “Ejja naħarbu, għax ħadd minna mhu se jeħlisha minn Absalom! Ħaffu li ma jmurx jilħaqna, iġib diżastru fuqna, u jattakka n-nies tal-belt bix-xabla!” 15 Il-qaddejja tar-re wiġbuh: “Aħna lesti nagħmlu kulma tiddeċiedi, sidna r-re.” 16 Għalhekk, ir-re ħareġ bin-nies kollha taʼ daru warajh, imma ħalla għaxar konkubini biex jieħdu ħsieb id-dar.* 17 Ir-re u n-nies kollha taʼ warajh baqgħu ħerġin u waqfu f’Bet-merħak.
18 Il-qaddejja kollha tiegħu li telqu miegħu* u l-Keretin kollha, il-Peletin kollha, u s-600 Gitti li kienu marru warajh minn Gat, kienu qed jgħaddu minn quddiem ir-re waqt li jiċċekkja li m’hemm ħadd nieqes. 19 Imbagħad ir-re qal lil Ittaj il-Gitti: “Int għala ġej magħna wkoll? Mur lura u għix mar-re il-ġdid, għax int barrani u ma tistax tmur lura pajjiżek. 20 Int għadek kemm ġejt, allura kif nistaʼ llum inħallik tiġi miegħi fejn immur? Mur lura u ħu lil ħutek miegħek, u jalla Ġeħova jibqaʼ jurik imħabba u lealtà!”* 21 Imma Ittaj wieġeb lir-re: “Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj u bik, sidi r-re, li jien inkun kull fejn tkun int. Jien lest li anki mmut miegħek!” 22 U David wieġbu: “Mur u aqsam għan-naħa l-oħra.” Għalhekk, Ittaj il-Gitti qasam flimkien mal-irġiel kollha tiegħu u l-familji tagħhom.
23 Dawk kollha f’Ġerusalemm u madwarha kienu qed jibku b’leħen għoli, waqt li n-nies taʼ maʼ David qasmu għan-naħa l-oħra, u hu kien ħdejn il-Wied taʼ Kidron. Kien hemm ħafna nies li kienu qed jaqsmu lejn it-triq li tagħti għad-deżert. 24 U kien hemm ukoll Sadok flimkien mal-Leviti kollha li jġorru l-arka tal-patt tal-Alla l-veru. Huma poġġew l-Arka tal-Alla l-veru mal-art. Abjatar qagħad hemm sakemm in-nies kollha qasmu mill-belt għan-naħa l-oħra. 25 Imma r-re qal lil Sadok: “Ħu l-Arka tal-Alla l-veru lura lejn il-belt. Jekk insib il-ħniena f’għajnejn Ġeħova, hu jerġaʼ jiħodni lura u jħallini nara lilha u l-post fejn tkun. 26 Imma jekk mhux kuntent bija, ħa jagħmilli dak li hu tajjeb f’għajnejh.” 27 Ir-re qal lil Sadok il-qassis: “Int profeta,* hux hekk? Int għandek tmur lura lejn il-belt fil-paċi flimkien maʼ Abjatar, u ħu miegħek lil ibnek Aħimgħas u lil Ġonatan bin Abjatar. 28 Jien se nistenna ħdejn l-ilma baxx fid-deżert sakemm nismaʼ mingħandkom dwar x’qed jiġri fil-belt.” 29 Għalhekk, Sadok u Abjatar ħadu l-Arka tal-Alla l-veru lura Ġerusalemm, u baqgħu hemmhekk.
30 Waqt li David kien tielaʼ fuq il-Muntanja* taż-Żebbuġ, hu kien qed jibki. Hu kellu rasu mgħottija u kien miexi ħafi. In-nies kollha li kienu miegħu wkoll għattew rashom u bkew huma u telgħin. 31 Imbagħad, David irċieva din l-aħbar: “Aħitofel hu fost dawk li qed jaħdmu id f’id m’Absalom.” Għal dan David qal: “Ġeħova, jekk jogħġbok, biddel il-parir t’Aħitofel f’xi ħaġa bla sens!”
32 Meta David wasal fil-quċċata fejn in-nies kienu jmilu quddiem Alla, Ħusaj l-Arki kien hemm biex jiltaqaʼ miegħu bil-libsa tiegħu mċarrta u bit-trab fuq rasu. 33 Madankollu, David qallu: “Jekk taqsam għan-naħa l-oħra miegħi, int tkun taʼ piż għalija. 34 Erġaʼ lura lejn il-belt u għid lil Absalom, ‘Jien il-qaddej tiegħek, Re. Qabel jien kont il-qaddej taʼ missierek, imma issa jien il-qaddej tiegħek.’ B’hekk tkun tistaʼ tfixkel il-parir t’Aħitofel għalija. 35 Sadok u Abjatar, il-qassisin, se jkunu hemm miegħek. Għandek tgħidilhom dwar kulma tismaʼ minn dar ir-re. 36 Ara, hemmhekk magħhom hemm iż-żewġt itfal tagħhom, Aħimgħas bin Sadok u Ġonatan bin Abjatar. Wassluli kulma tisimgħu permezz tagħhom.” 37 Għalhekk, Ħusaj, il-ħabib taʼ* David, daħal Ġerusalemm fl-istess ħin li kien dieħel Absalom.