L-Ewwel Kronaki
17 Malli David kien issetilja fil-palazz tiegħu, hu qal lill-profeta Natan: “Jien qed ngħix f’palazz tal-injam taċ-ċedru waqt li l-arka tal-patt taʼ Ġeħova qiegħda taħt id-drapp tat-tined.” 2 Natan wieġbu: “Agħmel kulma tixtieq qalbek, għax l-Alla l-veru qiegħed miegħek.”
3 Dak il-lejl stess, Alla qal lil Natan: 4 “Mur u għid lill-qaddej tiegħi David, ‘Hekk jgħid Ġeħova: “Mhux int se tibnili d-dar biex ngħix fiha. 5 Għax jien ilni ma ngħix f’dar minn dakinhar li ħriġt lil Iżrael, imma mort minn tinda għal tinda u minn tabernaklu għal ieħor. 6 Matul iż-żmien kollu li kont mal-Iżraelin, qatt għedt ‘Għala ma bnejtulix dar tal-injam taċ-ċedru?’ Qatt staqsejt mistoqsija bħal din lil xi mħallef t’Iżrael li jien għażilt biex jirgħa lill-poplu tiegħi?”’
7 “Issa hekk għidlu lill-qaddej tiegħi David, ‘Hekk jgħid Ġeħova tal-armati: “Jien ħadtek minn fejn kont tirgħa l-merħla biex issir mexxej fuq il-poplu tiegħi Iżrael. 8 U jien inkun miegħek kull fejn tmur, u neqred l-għedewwa kollha tiegħek minn quddiemek; u nagħmel ismek magħruf sew, bħal tal-kbarat fuq l-art. 9 Jien nagħti post lill-poplu tiegħi Iżrael u ngħinhom jissetiljaw fih, u huma jgħixu hemm u ma jdejjaqhom ħadd. In-nies mill-agħar ma jerġgħux jaħqruhom* bħal qabel, 10 minn meta inkarigajt lill-imħallfin biex imexxu lill-poplu tiegħi Iżrael. Jien se negħleb lill-għedewwa kollha tiegħek. Iktar minn hekk ngħidlek, ‘Jien, Ġeħova, se nagħmel lil dawk li jiġu minnek rejiet warajk.’*
11 “‘“Meta tmut u tkun maʼ missirijietek, jien nagħmel lid-dixxendent tiegħek, wieħed mit-tfal tiegħek, re warajk u nsaħħaħ is-saltna tiegħu. 12 Hu jkun dak li jibnili dar, u jien insaħħaħ it-tron tiegħu għal dejjem. 13 Jien insir missieru, u hu jsir ibni. Mhux se nieqaf nurih imħabba u lealtà* u mhux se nitilqu bħalma tlaqt lil taʼ qablek. 14 Jien ninkarigah f’dari u f’saltnati għal dejjem, u t-tron tiegħu jibqaʼ għal dejjem.”’”
15 Natan qal lil David dan il-kliem kollu u din il-viżjoni kollha.
16 Imbagħad ir-Re David daħal u qagħad bilqiegħda quddiem Ġeħova u qal: “Alla Ġeħova, jien min jien? U min hi l-familja* tiegħi biex diġà għamilt dan kollu miegħi? 17 U bħallikieku dan ma kienx biżżejjed, int għedt ukoll li d-dar tiegħi se ddum għal żmien twil, u int qistni bħal raġel li għandu jiġi onorat iktar,* Alla Ġeħova. 18 X’nistaʼ ngħidlek iktar jien, il-qaddej tiegħek David, dwar l-unur li tajtni meta int tafni tant tajjeb? 19 Ġeħova, minħabba fija u fi qbil ma’ dak li trid int, int għamilt dawn l-affarijiet kbar kollha u wrejt il-kobor tiegħek. 20 Ġeħova, m’hemm ħadd bħalek, u m’hemmx Alla ħliefek. Dak kollu li smajna b’widnejna jikkonferma dan. 21 U liema poplu ieħor fuq l-art hu bħall-poplu tiegħek Iżrael? L-Alla l-veru, int fdejtu* biex ikun il-poplu tiegħek. Għamilt ismek magħruf billi għamilt affarijiet kbar u tal-għaġeb u keċċejt popli minn quddiem il-poplu tiegħek, li int fdejt mill-Eġittu. 22 Lill-poplu tiegħek Iżrael għamiltu l-poplu tiegħek stess għal dejjem. Int, Ġeħova, sirt l-Alla tagħhom. 23 Ġeħova, jalla żżomm il-wegħda li għamilt dwari, il-qaddej tiegħek, u dwar dari għal dejjem, u jalla tagħmel bħalma wegħedt. 24 Jalla ismek jibqaʼ u jkun onorat għal dejjem, ħalli n-nies jgħidu, ‘Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, hu Alla għal Iżrael,’ u jalla d-dar tiegħi tissaħħaħ. 25 Għax int, Alla tiegħi, urejtni l-iskop tiegħek biex tibnili dar.* Huwa għalhekk li jien, il-qaddej tiegħek, qed noffrilek din it-talba. 26 Ġeħova, int l-Alla l-veru, u int wegħedt dawn l-affarijiet dwari, il-qaddej tiegħek. 27 Għalhekk, jalla tkun tixtieq tbierek id-dar tiegħi u jalla tibqaʼ quddiemek għal dejjem. Għax int Ġeħova beriktha u hi mbierka għal dejjem.”