Atti—Dak li Għamlu l-Appostli
27 Meta ġie deċiż li kellna mmorru l-Italja bil-baħar, huma taw lil Pawlu u lil xi ħabsin oħra f’idejn uffiċjal tal-armata jismu Ġulju mill-korp tal-Awgustu. 2 Minn Adramitti tlajna fuq vapur li kien se jmur fil-portijiet tul ix-xatt tal-provinċja tal-Asja, u mbagħad tlaqna. Magħna kien hemm Aristarku, li kien minn Tessalonika fil-Maċedonja. 3 L-għada nżilna Sidon, u Ġulju ttratta lil Pawlu b’qalb tajba u ħallieh imur ħdejn il-ħbieb tiegħu biex jieħdu ħsiebu.
4 Minn hemm tlaqna bil-baħar u għaddejna għall-kenn taʼ Ċipru, għax ir-riħ kien kontrina. 5 Aħna għaddejna minn baħar miftuħ ħdejn iċ-Ċiliċja u l-Pamfilja u dħalna fil-port taʼ Mira fil-Liċja. 6 Hemmhekk l-uffiċjal tal-armata sab vapur minn Lixandra li kien sejjer l-Italja u ġegħelna nitilgħu fuqu. 7 Wara li vvjaġġajna b’diffikultà għal ħafna ġranet, wasalna Knidu. Peress li ma stajniex nibqgħu sejrin minħabba r-riħ, għaddejna għall-kenn taʼ Kreta min-naħa taʼ Salmone. 8 Wara li vvjaġġajna b’diffikultà max-xatt tagħha, wasalna f’post li jgħidulu l-Portijiet is-Sbieħ viċin il-belt taʼ Lasegħa.
9 Peress li kien għadda ħafna żmien u kien għadda s-sawm taʼ Jum it-Tpattija,* kien perikoluż li jsiru vjaġġi bil-vapur. Għalhekk Pawlu għamel dan is-suġġeriment: 10 “Irġiel, qed ninnota li mhix idea tajba li nivvjaġġaw, għax apparti li nistgħu nitilfu t-tagħbija u l-vapur, hemm ċans li mmutu.” 11 Imma l-uffiċjal tal-armata semaʼ mill-kaptan u minn sid il-vapur, minflok ma semaʼ minn Pawlu. 12 Peress li l-port ma kienx tajjeb biex inqattgħu x-xitwa fih, il-maġġuranza kienu tal-parir li nitilqu minn hemm biex jaraw jekk b’xi mod nistgħux naslu f’Feniċe u nqattgħu x-xitwa hemmhekk. Dan kien port fi Kreta li jħares lejn il-Grigal u x-Xlokk.
13 Meta qamet żiffa min-Nofsinhar, huma ħasbu li kien se jirnexxilhom. Għalhekk tellgħu l-ankra u bdew għaddejjin qrib ix-xatt taʼ Kreta. 14 Però, wara ftit tal-ħin, qam riefnu qawwi li jgħidulu Grigalata. 15 Minħabba r-riħ qawwi li kien hemm, ma stajniex insuqu kontra r-riħ, għalhekk ċedejna u ħallejnieh iġorrna. 16 Imbagħad morna malajr għall-kenn taʼ gżira żgħira jisimha Kawda. Minkejja dan, bilkemm stajna nikkontrollaw id-dgħajsa żgħira* li konna qed niġbdu warajna. 17 Imma wara li tellgħuha, huma rabtu ħbula madwar il-vapur ħalli ma jinqasamx. U peress li bdew jibżgħu li jeħlu fuq is-Sirti,* huma niżżlu l-qlugħ,* u b’hekk inġarrejna mal-kurrent. 18 L-għada bdew jarmu l-affarijiet biex il-vapur ikun eħfef, peress li l-maltempata bdiet titfagħna ’l hemm u ’l hawn bis-saħħa. 19 U fit-tielet ġurnata rmew il-ħbula li jtellgħu l-qlugħ bihom.
20 Għal ħafna ġranet, la dehret ix-xemx u lanqas l-istilel u konna għadna qed naqilgħu xebgħa maltemp, allura ma bqajniex nittamaw li se nsalvaw. 21 Wara li kienu ilhom ħafna ma jieklu, Pawlu qam f’nofshom u qalilhom: “Irġiel, li kieku smajtu minni u ma tlaqtux minn Kreta, ma konniex ngħaddu minn din it-tbatija u narmu dawk l-affarijiet kollha. 22 Imma nħeġġiġkom biex tagħmlu l-kuraġġ, għax ħadd minnkom mhu se jmut, il-vapur biss se jitkisser. 23 Dan il-lejl ġie ħdejja anġlu tal-Alla li jien inqim u naqdi 24 u qalli: ‘Tibżax Pawlu. Int se tidher quddiem Ċesari, u Alla se jsalva lil dawk kollha li qegħdin fuq il-vapur miegħek.’ 25 Għalhekk, agħmlu kuraġġ, għax jien nemmen li Alla se jagħmel eżatt bħalma qalli l-anġlu. 26 Madankollu, il-vapur se jitkisser u aħna se nispiċċaw fuq gżira.”
27 Aħna konna ilna 14-il ġurnata fuq il-baħar u konna qed niġu mitfugħin ’l hemm u ’l hawn fil-Baħar t’Adrija. F’nofsillejl, il-baħrin bdew jissuspettaw li qed nersqu qrib xi art. 28 Għalhekk huma kejlu kemm kien hemm fond u sabu li kien hemm 20 qama.* Imbagħad imxew biċċa oħra, reġgħu kejlu, u sabu li kien hemm 15-il qama.* 29 Peress li beżgħu li se naħbtu mal-blat, huma niżżlu erbaʼ ankri min-naħa taʼ wara tal-vapur u bdew jittamaw li jisbaħ. 30 Xi baħrin bdew jipprovaw jaħarbu mill-vapur. Huma bdew iniżżlu d-dgħajsa ż-żgħira fil-baħar għat-taparsi sejrin iniżżlu l-ankri min-naħa taʼ quddiem tal-vapur, 31 imma Pawlu qal lill-uffiċjal tal-armata u lis-suldati: “Ma tistgħux tiġu salvati jekk dawn l-irġiel jitilqu minn fuq il-vapur.” 32 Imbagħad is-suldati qatgħu l-ħbula tad-dgħajsa ż-żgħira u ħallewha titlaq.
33 Xħin kien wasal biex jisbaħ, Pawlu inkuraġġiehom biex jieklu xi ħaġa, u qalilhom: “Ilkom 14-il ġurnata tistennew b’ansjetà u ma kiltu xejn. 34 Għalhekk, inħeġġiġkom biex tieklu. Dan hu għall-ġid tagħkom, għax lanqas wieħed minnkom mhu se jweġġaʼ.” 35 Wara qabad ħobża, irringrazzja lil Alla quddiemhom, qasamha, u beda jiekol. 36 Għalhekk, għamlu l-kuraġġ u bdew jieklu. 37 B’kollox, konna 276 ruħ fuq il-vapur. 38 Wara li kielu u xebgħu, tefgħu l-qamħ il-baħar ħalli l-vapur ikun eħfef.
39 Xħin sebaħ, huma raw l-art imma ma setgħux jagħrfuha. Huma nnotaw li kien hemm bajja bir-ramel u kienu determinati li jidħlu bil-vapur fiha, jekk kien possibbli. 40 Għalhekk, qatgħu l-ankri u ħallewhom jaqgħu l-baħar, waqt li ħallew l-irbit tat-tmun. Wara li tellgħu l-qlugħ taʼ quddiem favur ir-riħ, telqu lejn il-bajja. 41 Meta ħabtu maʼ qiegħ baxx,* il-vapur weħel minn quddiem u ma ċċaqlaqx, imma n-naħa taʼ wara bdiet titfarrak biċċiet bil-mewġ. 42 Għalhekk, is-suldati ddeċidew li joqtlu lill-ħabsin, biex ħadd minnhom ma jaħrab bl-għawm. 43 Imma l-uffiċjal tal-armata kien determinat li jwassal lil Pawlu qawwi u sħiħ u ma ħallihomx jagħmlu hekk. Hu kkmanda lil dawk li kienu jafu jgħumu biex jaqbżu l-baħar u jkunu l-ewwel li jaslu l-art, 44 u l-bqija kellhom imorru warajhom, min fuq it-twavel u min fuq xi biċċa mill-vapur. Għalhekk waslu kollha qawwijin u sħaħ fuq l-art.