Ġeremija
40 Jien, Ġeremija, irċivejt messaġġ mingħand Ġeħova wara li Nebużaradan, il-kap tal-gwardji, ħallieni nitlaq minn Rama. Hu ħadni hemmhekk bil-ktajjen maʼ jdejja, u jien kont fost l-eżiljati kollha minn Ġerusalemm u Ġuda li kienu qed jittieħdu Babilonja. 2 Imbagħad il-kap tal-gwardji ħadni mal-ġenb, u qalli: “Ġeħova l-Alla tiegħek kien diġà bassar dan id-diżastru fuq dan il-post, 3 u Ġeħova ġab dan id-diżastru bħalma qal, għax intom dnibtu kontra Ġeħova u m’obdejtuhx. Hu għalhekk li ġralkom hekk. 4 Illum, qed neħilsek mill-ktajjen li għandek maʼ jdejk. Jekk għalik jidher tajjeb li tiġi miegħi Babilonja, ejja, u jien nieħu ħsiebek. Imma jekk ma tridx tiġi miegħi Babilonja, tiġix. Il-pajjiż kollu qiegħed quddiemek. Agħżel int fejn trid tmur.”
5 Waqt li jien, Ġeremija, kont għadni qed naħsibha, Nebużaradan qalli: “Mur lura għand Gedalija bin Aħikam in-neputi taʼ Safan. Lil dan, ir-re taʼ Babilonja għamlu gvernatur fuq il-bliet taʼ Ġuda, u oqgħod miegħu fost il-poplu. Jew mur fejn trid int.”
Imbagħad il-kap tal-gwardji tani xi ikel, rigal, u ħallieni nitlaq. 6 Allura jien, Ġeremija, mort għand Gedalija bin Aħikam f’Mispa, u għext hemmhekk miegħu fost in-nies li kien baqaʼ fl-art taʼ Ġuda.
7 Maż-żmien, il-kapijiet kollha tal-armata li kienu fil-pajjiż mas-suldati tagħhom, semgħu li r-re taʼ Babilonja għamel lil Gedalija bin Aħikam gvernatur fuq il-pajjiż u fuq l-irġiel, in-nisa, u t-tfal min-nies foqra tal-pajjiż li ma ttiħdux Babilonja. 8 Allura dawn marru mas-suldati tagħhom għand Gedalija f’Mispa. Dawn il-kapijiet kienu Ismagħel bin Netanija, Ġoħanan u Ġonatan it-tfal taʼ Kareja, Seraja bin Tanħumet, it-tfal t’Għefaj in-Netofati, u Ġeżanija bin il-Magħkati. 9 Imbagħad Gedalija bin Aħikam u n-neputi taʼ Safan ħalef lilhom u lis-suldati tagħhom: “Tibżgħux taqdu lill-Kaldin. Għixu fil-pajjiż u aqdu lir-re taʼ Babilonja, u tmorru tajjeb. 10 Jien se nibqaʼ f’Mispa, ħalli nirrappreżentakom quddiem il-Kaldin li jiġu għandna. Imma ħudu nbid, frott tas-sajf, u żejt, u qegħduhom fir-reċipjenti tagħkom u ssetiljaw fil-bliet li ħadtu għalikom.”
11 Anki l-Lhud kollha li kienu f’Mowab, Għammon, Edom, u fil-pajjiżi l-oħrajn kollha semgħu li r-re taʼ Babilonja kien ħalla xi nies f’Ġuda u li fuqhom għamel gvernatur lil Gedalija bin Aħikam in-neputi taʼ Safan. 12 Allura l-Lhud kollha bdew jiġu lura mill-pajjiżi kollha li kienu nfirxu fihom, u ġew fil-pajjiż taʼ Ġuda għand Gedalija f’Mispa. U huma ġabru bi kwantità kbira għeneb għall-inbid u frott tas-sajf.
13 Ġoħanan bin Kareja u l-kapijiet kollha tal-armata li kienu fil-pajjiż ġew għand Gedalija f’Mispa. 14 Huma qalulu: “Taf li Bagħalis ir-re tal-Għammonin bagħat lil Ismagħel bin Netanija biex joqtlok?” Imma Gedalija bin Aħikam m’emminhomx.
15 Imbagħad Ġoħanan bin Kareja qal bil-moħbi lil Gedalija f’Mispa: “Ħa mmur noqtol lil Ismagħel bin Netanija, u ħadd ma jkun jaf. Għala għandu joqtlok? U għala n-nies kollha taʼ Ġuda li ġew għandek għandhom jitferrxu, u dawk li fadal minn Ġuda jmutu?” 16 Imma Gedalija bin Aħikam qal lil Ġoħanan bin Kareja: “Tagħmilx hekk, għax dak li qed tgħid dwar Ismagħel mhux veru.”