Neħemija
4 Malli Sanballat semaʼ li konna qed nerġgħu nibnu s-sur, hu rrabja u xejn ma ħa pjaċir,* u baqaʼ jwaqqaʼ għaċ-ċajt lil-Lhud. 2 U quddiem sħabu u l-armata tas-Samarija beda jgħid: “X’qed jagħmlu dawn il-Lhud dgħajfin? Jaqaw mingħalihom li se jagħmluh waħedhom? Humiex jaħsbu li se joffru s-sagrifiċċji u jlestu x-xogħol f’ġurnata? Tgħid mhux se jużaw il-ġebel maħruq li hemm fit-tifrik!”
3 Imbagħad Tobija l-Għammoni, li kien ħdejh, qal: “Anki jekk jitlaʼ volpi mas-sur li qed jibnu, iwaqqgħu.”
4 Alla tagħna, ara kif qed niġu ttrattati u ġiegħel li t-tmaqdir tagħhom jiġi fuqhom stess. Agħtihom f’idejn l-għedewwa tagħhom u ġiegħel li jsiru lsiera f’art oħra. 5 Tagħlaqx għajnejk għall-iżball u d-dnub tagħhom u tħassarhomx minn quddiemek, għax huma offendew lill-bennejja.
6 Għalhekk, komplejna nibnu s-sur, u bnejna s-sur kollu sa nofs l-għoli tiegħu mad-dawra kollha tal-belt. In-nies komplew jaħdmu mill-qalb.
7 Malli Sanballat, Tobija, l-Għarab, l-Għammonin, u l-Asdodin semgħu li l-partijiet imwaqqgħin tas-sur taʼ Ġerusalemm kienu qed jerġgħu jinbnew u x-xogħol kien miexi ’l quddiem, tgħidx kemm irrabjaw. 8 Huma ftiehmu bejniethom biex jiġġieldu kontra Ġerusalemm u jaqilgħu l-inkwiet. 9 Imma aħna tlabna lill-Alla tagħna biex jgħinna u qegħedna l-għassa lejl u nhar biex jipproteġuna minnhom.
10 Madankollu, in-nies taʼ Ġuda bdew jgħidu: “Il-ħaddiema* m’għadx għandhom saħħa u għad hemm wisq tifrik. Qatt mhu se jirnexxilna nibnu s-sur.”
11 U l-għedewwa tagħna baqgħu jgħidu: “Qabel ma jindunaw x’inhu jiġri, inkunu fosthom, noqtluhom, u nwaqqfu x-xogħol.”
12 Meta kienu jiġu l-Lhud li joqogħdu viċin tagħhom, kienu jgħidulna għal darba wara l-oħra:* “Se jiġu għalina minn kull naħa.”
13 Għalhekk, qegħedt irġiel wara s-sur fil-postijiet baxxi u miftuħin. Qegħedthom skont il-familji tagħhom armati b’xabla, lanza, u qaws. 14 Meta rajt il-biżaʼ li kellhom, jien aġixxejt malajr. U lill-mexxejja, lill-uffiċjali, u lill-bqija tan-nies għedtilhom: “Tibżgħux minnhom. Ftakru f’Ġeħova, li hu kbir u taʼ min jibżaʼ minnu u jirrispettah ħafna. Iġġieldu għal ħutkom, għat-tfal tagħkom, għan-nisa tagħkom, u għad-djar tagħkom.”
15 L-għedewwa tagħna semgħu li sirna nafu b’dak li kienu qed jipprovaw jagħmlulna u li l-Alla l-veru fixkel il-pjan tagħhom. Imbagħad aħna komplejna nibnu s-sur. 16 Minn dakinhar ’il quddiem, nofs l-irġiel tiegħi kienu jagħmlu x-xogħol u n-nofs l-ieħor kienu armati b’lanza, tarka, u qaws, u lebsin kurazza. Il-mexxejja appoġġaw* in-nies taʼ dar Ġuda kollha 17 li kienu qed jibnu s-sur. Dawk li kienu qed iġorru t-tagħbija għamlu dan b’id waħda waqt li fl-oħra kellhom arma. 18 Kull bennej kellu xabla marbuta maċ-ċinturin waqt li kien qed jibni. U ħdejja kien hemm dak li jdoqq il-qarn.
19 Imbagħad jien għedtilhom hekk lill-mexxejja, lill-uffiċjali, u lill-bqija tan-nies: “Hawn ħafna xogħol xi jsir fuq is-sur, u aħna mferrxin miegħu ’l bogħod minn xulxin. 20 Meta tisimgħu l-ħoss tal-qarn, inġabru fejn qiegħed jien. L-Alla tagħna se jiġġieled għalina.”
21 Għalhekk, minn filgħodu kmieni sa ma dehru l-istilel, aħna komplejna naħdmu waqt li n-nofs l-ieħor kienu armati bil-lanez. 22 Dak iż-żmien, jien għedt lill-poplu: “Ħa jgħaddu l-lejl Ġerusalemm l-irġiel u l-qaddejja tagħhom, ħalli jaħdmu matul il-ġurnata u joqogħdu għassa billejl skont meta jmisshom.” 23 Għalhekk jien, ħuti, il-qaddejja tiegħi, u l-għassiesa li kienu miegħi, bqajna bl-istess ħwejjeġ u kull wieħed minna żamm l-arma f’idu l-leminija.