Ġeremija
41 Fis-sebaʼ xahar, Ismagħel bin Netanija n-neputi t’Elisama li kien mil-linja tar-re, wieħed mill-irġiel importanti tar-re, mar m’għaxar suldati għand Gedalija bin Aħikam f’Mispa. Waqt li kienu qed jieklu flimkien f’Mispa, 2 Ismagħel bin Netanija u l-għaxar suldati li kienu miegħu qamu u qatlu bix-xabla lil Gedalija bin Aħikam in-neputi taʼ Safan. Allura Ismagħel qatel lill-wieħed li r-re taʼ Babilonja kien għamel gvernatur fuq il-pajjiż. 3 Hu qatel ukoll lil-Lhud kollha li kienu maʼ Gedalija f’Mispa, u anki lis-suldati Kaldin li kienu hemm.
4 L-għada li nqatel Gedalija, meta ħadd ma kien għadu jaf x’ġara, 5 ġew 80 raġel minn Sikem, Silo, u s-Samarija. Huma kienu qaxxru d-daqna, ċarrtu l-ħwejjeġ, u qattgħu ġisimhom stess, u kellhom offerti taċ-ċereali* u inċens abjad biex iġibuhom fid-dar taʼ Ġeħova. 6 Għalhekk, Ismagħel bin Netanija ħareġ minn Mispa biex jiltaqaʼ magħhom, jibki hu u miexi. Meta ltaqaʼ magħhom, qalilhom: “Ejjew għand Gedalija bin Aħikam.” 7 Imma meta daħlu fil-belt, Ismagħel bin Netanija u s-suldati tiegħu qatluhom u tefgħuhom fil-ġiebja.
8 Imma minnhom kien hemm għaxart irġiel li qalu lil Ismagħel: “Toqtolniex, għax fl-għelieqi għandna moħbijin ħafna qamħ, xgħir, żejt, u għasel.” Allura ma qatilhomx. 9 Imbagħad Ismagħel tefaʼ fil-ġiebja l-kbira l-irġiel kollha li kien qatel, li r-Re Asa kien għamel minħabba r-Re Bagħsa t’Iżrael. Din kienet il-ġiebja li Ismagħel bin Netanija mela b’dawk li qatel.
10 Ismagħel ħa bħala lsiera lil dawk kollha li kien fadal f’Mispa, inkluż il-bniet tar-re u n-nies kollha li tħallew f’Mispa, li Nebużaradan il-kap tal-gwardji kien ħalliehom f’idejn Gedalija bin Aħikam. Ismagħel bin Netanija ħadhom bħala lsiera u telaq lejn l-art tal-Għammonin.
11 Meta Ġoħanan bin Kareja u l-kapijiet kollha tal-armata li kienu miegħu semgħu dwar il-ħażen kollu li kien għamel Ismagħel bin Netanija, 12 ħadu lis-suldati kollha u telqu biex jiġġieldu kontra Ismagħel bin Netanija. Huma sabuh ħdejn l-ilmijiet kbar* taʼ Gibegħon.
13 In-nies kollha li kienu maʼ Ismagħel ferħu meta raw lil Ġoħanan bin Kareja u l-kapijiet kollha tal-armata miegħu. 14 Imbagħad in-nies kollha li Ismagħel ħa bħala lsiera minn Mispa daru lura u marru maʼ Ġoħanan bin Kareja. 15 Imma Ismagħel bin Netanija u tmienja mis-suldati tiegħu ħarbu minn Ġoħanan u marru għand l-Għammonin.
16 Ġoħanan bin Kareja u l-kapijiet kollha tal-armata li kienu miegħu ħadu magħhom il-kumplament tan-nies minn Mispa. Huma kienu salvaw lil dawn in-nies li Ismagħel bin Netanija kien ħadhom wara li qatel lil Gedalija bin Aħikam. Huma ġabu l-irġiel, is-suldati, in-nisa, it-tfal, u l-uffiċjali tal-palazz lura f’Gibegħon. 17 Allura marru u qagħdu fil-post taʼ Kimħam ħdejn Betlem, għax kellhom il-ħsieb li jibqgħu sejrin l-Eġittu 18 minħabba l-Kaldin. Għax huma bdew jibżgħu minnhom, peress li Ismagħel bin Netanija kien qatel lil Gedalija bin Aħikam, li r-re taʼ Babilonja kien għamlu gvernatur fuq il-pajjiż.