Ġeremija
47 Jien, il-profeta Ġeremija, irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova dwar il-Filistin qabel il-Fargħun rebaħ lil Gaża. 2 Hekk jgħid Ġeħova:
“L-ilmijiet ġejjin mit-Tramuntana.
Huma se jsiru wied kbir.
Dawn se jgħerrqu l-pajjiż u kulma hemm fih,
Il-belt u lil dawk li joqogħdu fiha.
In-nies se jgħajtu,
U kull min jgħix fil-pajjiż se jibki.
3 Meta jisimgħu l-ħoss taż-żwiemel jiġru,
Il-ħoss tal-karrijiet tal-gwerra,
U l-ħoss tar-roti tagħhom,
Il-missirijiet se jitilfu l-kuraġġ
U lanqas biss se jmorru jsalvaw it-tfal tagħhom.
4 Dan minħabba li se tasal il-ġurnata li fiha l-Filistin kollha se jinqerdu.
Minn Tir u minn Sidon se jinqered kull min jibqaʼ ħaj u jipprova jgħinhom.
Ġeħova se jeqred lill-Filistin,
L-uħud li fadal li kienu ġew mill-gżira taʼ Kaftor.*
5 In-nies taʼ Gaża se jispiċċaw bil-qargħa.*
In-nies t’Askelon ġew imsikktin.
Intom li fadal fil-pjanura tal-wied* tagħhom,
Kemm se ddumu tqattgħu ġisimkom?
6 Ja xabla taʼ Ġeħova,
Kemm se ddum ma tieqaf?
Mur lura f’postok.
Strieħ u oqgħod kwieta.
7 Kif tistaʼ tkun wieqfa
Meta Ġeħova stess ta l-kmand
Biex tattakka lil Askelon u l-kosta tal-baħar?
Hemm qabbadha tmur.”