It-Tieni Kronaki
22 Imbagħad, in-nies taʼ Ġerusalemm għamlu lit-tifel iż-żgħir tiegħu Aħażija re minfloku, għax ħutu li kienu akbar minnu nqatlu mill-grupp ħallelin li marru mal-Għarab fil-kampijiet. Għalhekk, Aħażija bin Ġeħoram sar re taʼ Ġuda. 2 Aħażija kellu 22 sena meta sar re, u dam imexxi sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Għatalija u nannuha kien* Għomri.
3 Dan ukoll għamel bħal dawk taʼ dar Aħab, għax ommu kienet dik li tagħtih il-pariri biex jagħmel il-ħażin. 4 Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, bħal dawk taʼ dar Aħab, għax wara li miet missieru huma bdew jagħtuh il-pariri u wassluh biex jinqered. 5 Hu ħa l-pariri tagħhom u mar maʼ Ġeħoram bin ir-Re Aħab t’Iżrael biex jiġġieled kontra r-Re Ħażagħel tas-Sirja f’Ramot-gilegħad. Hemm l-arċieri weġġgħu serjament lil Ġeħoram. 6 Hu reġaʼ lura Ġeżragħel biex ifiq mill-feriti li kienu għamlulu f’Rama meta ġġieled kontra r-Re Ħażagħel tas-Sirja.
Aħażija* bin ir-Re Ġeħoram taʼ Ġuda niżel Ġeżragħel biex jara lil Ġeħoram bin Aħab għax kien weġġaʼ serjament.* 7 Imma kien Alla li ġiegħel lil Aħażija jmur għand Ġeħoram u din iż-żjara wasslitu biex imut. Meta mar, hu ħareġ maʼ Ġeħoram biex jiltaqaʼ maʼ Ġeħu, li nannuh kien* Nimsi, u li Ġeħova kien inkarigah* biex jeqred lil dar Aħab. 8 Meta Ġeħu beda jiġġudika lil dar Aħab, hu sab u qatel il-kapijiet taʼ Ġuda u n-neputijiet t’Aħażija li kienu jaqdu lil Aħażija. 9 Imbagħad Ġeħu fittex lil Aħażija, u l-irġiel tiegħu qabduh minn fejn kien mistoħbi fis-Samarija, u ħaduh għand Ġeħu. Imbagħad qatluh u difnuh, għax qalu: “Nannuh hu Ġeħosafat, li fittex lil Ġeħova b’qalbu kollha.” Ma kien hemm ħadd minn dar Aħażija li kellu l-qawwa li jmexxi.
10 Meta Għatalija, omm Aħażija, rat li binha miet, hi pprovat teqred il-linja kollha tar-re taʼ dar Ġuda. 11 Madankollu, Ġeħosabegħat bint ir-re serqet lil Ġeħogħas bin Aħażija minn fost it-tfal tar-re li kienu se jinqatlu, u żammet lilu u lil dik li kienet tieħu ħsiebu fil-kamra tas-sodda taʼ ġewwa. Ġeħosabegħat bint ir-Re Ġeħoram (mart il-qassis Ġeħojada u oħt Aħażija) irnexxielha żżommu moħbi minn Għatalija, u b’hekk ma qatlitux. 12 Hu baqaʼ magħhom sitt snin moħbi fid-dar tal-Alla l-veru, waqt li Għatalija kienet qed tmexxi fuq il-pajjiż.