Imħallfin
8 Imbagħad l-irġiel t’Efrajm qalulu: “Għala għamiltilna hekk? Għala m’għedtilniex meta mort tiġġieled kontra Midjan?” U argumentaw bl-ikrah miegħu. 2 Imma hu qalilhom: “X’għamilt jien ħdejn dak li għamiltu intom? Mhuwiex it-tilqit tal-għeneb li ġabar Efrajm aħjar mill-ħsad tal-għeneb t’Abi-għeżer? 3 Mhux f’idejkom Alla tahom lil Għoreb u Żeb, mexxejja taʼ Midjan? X’għamilt jien ħdejn dak li għamiltu intom?” Meta kellimhom b’dan il-mod,* huma kkalmaw.*
4 Imbagħad Gidegħon wasal ħdejn il-Ġordan u qasam għan-naħa l-oħra. Hu u t-300 raġel taʼ miegħu kienu għajjenin, imma baqgħu jiġru wara l-għadu. 5 Għalhekk qal lill-irġiel taʼ Sukkot: “Jekk jogħġobkom, agħtu l-ħobż lin-nies li qegħdin miegħi, għax huma għajjenin u qed niġru wara Żebaħ u Salmunna, ir-rejiet taʼ Midjan.” 6 Imma l-kapijiet taʼ Sukkot qalu: “Għala għandna nagħtu l-ħobż lill-armata tiegħek la għadek ma qbadtx lil Żebaħ u lil Salmunna?” 7 Għal dan Gidegħon qal: “Minħabba li għedtu hekk, jien inqattgħalkom il-ġilda bix-xewk u l-għollieq tad-deżert meta Ġeħova jagħti lil Żebaħ u lil Salmunna f’idejja.” 8 U minn hemm mar Penwel u talab l-istess ħaġa, imma l-irġiel taʼ Penwel wiġbuh bħall-irġiel taʼ Sukkot. 9 Għalhekk qal ukoll lill-irġiel taʼ Penwel: “Meta niġi lura fil-paċi, inwaqqaʼ dan it-torri.”
10 Issa Żebaħ u Salmunna kienu f’Karkor bl-armati tagħhom, madwar 15,000 raġel. Dawn biss kien baqaʼ mill-armata sħiħa tan-nies tal-Lvant, għax diġà kienu mietu 120,000 raġel armat bix-xabla. 11 Gidegħon kompla tielaʼ mit-triq taʼ dawk li jgħixu fit-tined lejn il-Lvant taʼ Noba u Ġogbegħa, u attakka lil dawk li kienu kkampjati u li ma kinux qed jistennew l-attakk. 12 Meta ż-żewġ rejiet taʼ Midjan, Żebaħ u Salmunna, ħarbu, hu mar jiġri warajhom u qabadhom. B’hekk, dawk kollha li kienu kkampjati ppanikjaw.
13 Wara l-gwerra, Gidegħon bin Ġowas telaq mit-triq li titlaʼ għal Ħeres. 14 Hu u sejjer ħataf u interroga żagħżugħ minn Sukkot. Għalhekk, iż-żagħżugħ kitiblu l-ismijiet tal-kapijiet u tal-anzjani* taʼ Sukkot, 77 raġel. 15 Għaldaqstant, hu mar għand l-irġiel taʼ Sukkot u qal: “Hawn huma Żebaħ u Salmunna li għajjartuni bihom billi għedtu, ‘Għala għandna nagħtu l-ħobż lill-irġiel għajjenin tiegħek la għadek ma qbadtx lil Żebaħ u lil Salmunna?’” 16 Imbagħad ħa l-kapijiet u l-anzjani taʼ Sukkot u tahom tagħlima bix-xewk u l-għollieq tad-deżert. 17 U waqqaʼ t-torri taʼ Penwel u qatel lill-irġiel tal-belt.
18 Hu staqsa lil Żebaħ u Salmunna: “Kif kienu l-irġiel li qtiltu f’Tabor?” Huma wiġbuh: “Kienu bħalek, kull wieħed kien jidher qisu t-tifel taʼ re.” 19 Għal dan hu qal: “Dawk kienu ħuti, it-tfal t’ommi. Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj illi kieku ħallejtuhom ħajjin, ma kienx ikolli għalfejn noqtolkom.” 20 Imbagħad qal lil Ġeter, l-ewwel imwieled tiegħu: “Qum, oqtolhom.” Imma ż-żagħżugħ ma qabadx ix-xabla tiegħu, għax beda jibżaʼ, peress li kien għadu żgħir. 21 Għalhekk, Żebaħ u Salmunna qalulu: “Ejja oqtolna int stess, għax raġel hu ġġudikat skont is-saħħa tiegħu.”* Għalhekk, Gidegħon qatel lil Żebaħ u Salmunna u ħa l-ornamenti forma taʼ qamar ġdid li kienu m’għonq l-iġmla tagħhom.
22 Iktar tard, l-irġiel t’Iżrael qalu lil Gidegħon: “Mexxi fuqna, int, ibnek, u n-neputi tiegħek ukoll, għax int salvajtna minn id Midjan.” 23 Imma Gidegħon qalilhom: “La jien mhu se mmexxi fuqkom u lanqas ibni. Ġeħova se jmexxi fuqkom.” 24 Gidegħon kompla jgħidilhom: “Kulma ħa nitlob hu li kull wieħed minnkom jagħtini ħolqa tal-imnieħer mill-affarijiet li ħa mingħand l-għedewwa.” (Għax l-għedewwa kellhom ħoloq tal-imnieħer tad-deheb peress li kienu Ismagħelin.) 25 Huma wieġbu: “Dażgur li nagħtuhomlok.” Għal dan, huma firxu libsa u kull raġel tefaʼ fuqha ħolqa tal-imnieħer mill-affarijiet li kien ħa. 26 B’kollox, il-ħoloq li talabhom kienu jiżnu 1,700 xekel* deheb, minbarra l-ornamenti forma taʼ qamar ġdid, l-imsielet, u l-ilbiesi tas-suf vjola tar-rejiet taʼ Midjan, u l-ġiżirajjen li kienu m’għonq l-iġmla.
27 U bihom Gidegħon għamel efod* u qiegħdu f’beltu Għofra fejn setaʼ jarah kulħadd. Hemm, Iżrael kollu qiem* l-efod, u dan kien nassa għal Gidegħon u għan-nies taʼ daru.
28 B’hekk, l-Iżraelin rebħu lil Midjan, u dawn ma reġgħux sfidawhom.* U l-art kienet fil-paċi* għal 40 sena fi żmien Gidegħon.
29 Għalhekk, Ġerubbagħal bin Ġowas mar lura d-dar u baqaʼ hemm.
30 Gidegħon kellu 70 tifel, għax kien iżżewweġ ħafna nisa. 31 Il-konkubina tiegħu f’Sikem ukoll wellditlu tifel, u hu semmieh Abimelek. 32 U Gidegħon bin Ġowas miet meta kien xjaħ sew u ndifen fil-qabar taʼ missieru Ġowas, f’Għofra tal-Abi-għeżrin.
33 Malli miet Gidegħon, l-Iżraelin reġgħu qiemu* l-Bagħalim, u għamlu lil Bagħal-berit l-alla tagħhom. 34 L-Iżraelin ma ftakrux f’Ġeħova l-Alla tagħhom, li kien ħelishom minn id l-għedewwa kollha taʼ madwarhom; 35 u ma wrewx imħabba u lealtà* lejn in-nies taʼ dar Ġerubbagħal, jiġifieri Gidegħon, għat-tajjeb kollu li kien għamel m’Iżrael.