L-Ewwel Ittra lit-Tessalonikin
3 Għalhekk, meta ma flaħniex nistennew iktar biex insiru nafu dwarkom, iddeċidejna li nibqgħu waħedna Ateni 2 u nibagħtu lil Timotju, ħuna u qaddej t’Alla* li jipprietka l-aħbar tajba dwar il-Kristu. Aħna bgħatnieh biex isaħħaħkom* u jfarraġkom għall-ġid tal-fidi tagħkom, 3 ħalli ħadd ma jiddgħajjef* minħabba dawn it-tbatijiet. Għax intom stess tafu li ma nistgħux nevitaw li ngħaddu minn tbatijiet bħal dawn. 4 Għax meta konna magħkom, konna ngħidulkom minn qabel li se nbatu, u bħalma tafu hekk ġara. 5 Hu għalhekk li meta ma flaħtx nistenna iktar, bgħatt lil Timotju biex inkun naf dwar il-lealtà tagħkom, għax bdejt nibżaʼ li x-Xitan* setaʼ ttantakom, u x-xogħol li għamilna kien ikun għalxejn.
6 Imma Timotju għadu kemm ġie mingħandkom u tana l-aħbar tajba dwar il-lealtà u l-imħabba tagħkom, li għandkom memorji sbieħ dwarna, u li qed tħarsu ’l quddiem li tarawna bħalma nixtiequ aħna wkoll. 7 Hu għalhekk aħwa li meta smajna dwarkom u dwar il-lealtà li qed turu, ġejna inkuraġġiti minkejja li aħna fil-bżonn u għaddejjin minn tbatija. 8 Peress li żżommu sod bħala dixxipli tal-Mulej, aħna nieħdu r-ruħ.* 9 Aħna veru nirringrazzjaw lil Alla għalikom għax intom tferrħuna ħafna! 10 Lejl u nhar aħna nitolbu bil-ħniena li narawkom u li nkunu nistgħu ngħinukom f’dak li għandkom bżonn biex issaħħu l-fidi tagħkom.
11 Issa jalla l-Alla u l-Missier tagħna u l-Mulej tagħna Ġesù jħalluna niġu għandkom. 12 Iktar minn hekk, jalla l-Mulej jgħinkom ikollkom iktar imħabba lejn xulxin u lejn oħrajn, bħalma aħna nħobbukom ħafna. 13 B’hekk tissodaw, tkunu bla ħtija, u qaddisin quddiem l-Alla l-Missier tagħna meta jiġi l-Mulej tagħna Ġesù mal-qaddisin kollha tiegħu.