Ġenesi
34 Issa Dina, it-tifla ta’ Ġakobb minn Lea, kienet toħroġ biex tiltaqaʼ* mat-tfajliet tal-pajjiż. 2 Meta raha Sikem bin Ħamor il-Ħiwwi, kap taʼ tribù tal-pajjiż, ħadha u stupraha. 3 U hu ma setax ineħħi minn moħħu lil Dina bint Ġakobb, u sar iħobbha u kien joqgħod ikellimha biex jipperswadiha.* 4 Fl-aħħar, Sikem qal lil missieru Ħamor: “Sib mod kif din it-tfajla ssir marti.”
5 Meta Ġakobb semaʼ li Sikem kien iddiżonora lil bintu Dina, it-tfal tiegħu kienu mal-merħla tiegħu fl-għalqa. Allura Ġakobb ma qal lil ħadd sakemm marru lura. 6 Iktar tard, Ħamor missier Sikem mar għand Ġakobb biex ikellmu. 7 Imma t-tfal taʼ Ġakobb semgħu b’dan u telqu mill-għalqa mill-ewwel. Huma ħassewhom imweġġgħin u rrabjati ħafna għaliex Sikem kien iddiżonora lil Iżrael billi mtedd maʼ oħthom, bint Ġakobb. Din il-ħaġa qatt ma messha saret.
8 U Ħamor qal: “Ibni Sikem hu miġbud lejn* bintek. Jekk jogħġobkom, agħtuhielu b’martu, 9 u tħalltu magħna b’rabtiet taż-żwieġ. Il-bniet tagħkom agħtuhom lilna, u l-bniet tagħna ħuduhom intom. 10 Intom tistgħu toqogħdu magħna, u l-art tkun disponibbli għalikom. Għixu u nnegozjaw fiha u ssetiljaw fiha.” 11 Imbagħad Sikem qal lil missierha u lil ħutha: “Ħa nsib il-ħniena f’għajnejkom, u nagħtikom kulma titolbuni. 12 Tistgħu titolbuni prezz u rigal għoli għall-għarusa. Jien lest li nagħti kulma titolbuni, basta tagħtuni lit-tfajla b’marti.”
13 U t-tfal taʼ Ġakobb iddeċidew li jqarrqu b’Sikem u b’missieru Ħamor għaliex hu kien iddiżonora lil oħthom Dina. 14 Allura qalulhom: “Ma jistax ikun li nagħmlu ħaġa bħal din, li nagħtu lil oħtna lil raġel mhux ċirkonċiż, għaliex dan ikun diżunur għalina. 15 B’din il-kundizzjoni biss nistgħu naqblu magħkom: li intom issiru bħalna, billi kull raġel u tifel minnkom jiġi ċirkonċiż. 16 Imbagħad nagħtukom il-bniet tagħna, u aħna nieħdu l-bniet tagħkom, u ngħixu magħkom u nsiru poplu wieħed. 17 Imma jekk ma tisimgħux minna u ma tagħmlux iċ-ċirkonċiżjoni, allura nieħdu lil oħtna u mmorru.”
18 Kliemhom għoġob lil Ħamor u lil ibnu Sikem. 19 Iż-żagħżugħ ma damx m’għamel dak li qalulu, għaliex bint Ġakobb kienet togħġbu ħafna, u hu kien l-iktar wieħed stmat mid-dar kollha taʼ missieru.
20 Għalhekk, Ħamor u ibnu Sikem marru ħdejn bieb il-belt u kellmu lin-nies taʼ belthom, u qalulhom: 21 “Dawn in-nies iridu jżommu l-paċi magħna. Ħalluhom jgħixu fil-pajjiż u jinnegozjaw fih, għax l-art kbira biżżejjed biex huma joqogħdu fiha. Aħna nistgħu niżżewġu l-bniet tagħhom u huma l-bniet tagħna. 22 B’din il-kundizzjoni biss dawn l-irġiel se jaqblu li jgħixu magħna sabiex insiru poplu wieħed: kull raġel u tifel fostna għandu jiġi ċirkonċiż bħalma jiġu ċirkonċiżi huma. 23 Imbagħad l-affarijiet tagħhom, il-ġid tagħhom, u l-bhejjem kollha tagħhom isiru tagħna. Mela ejja nagħmlu li qalulna ħalli jgħixu magħna.” 24 Dawk kollha li kienu miġburin ħdejn bieb il-belt semgħu minn Ħamor u minn ibnu Sikem, u l-irġiel u s-subien kollha ġew ċirkonċiżi.
25 Madankollu, fit-tielet jum, meta kienu għadhom muġugħin, tnejn mit-tfal taʼ Ġakobb, Simegħon u Levi, ħut Dina, qabdu x-xabla tagħhom u daħlu fil-belt mingħajr ħadd ma ssuspetta xejn, u qatlu lil kull raġel u tifel. 26 Qatlu lil Ħamor u lil ibnu Sikem bix-xabla u mbagħad ħadu lil Dina minn dar Sikem u telqu. 27 It-tfal l-oħra taʼ Ġakobb daħlu fil-belt fejn kien hemm l-irġiel maqtulin u serqu l-belt għaliex Sikem kien iddiżonora lil oħthom. 28 Huma ħadu l-imrieħel tan-nagħaġ u tal-baqar tagħhom, il-ħmir tagħhom, u dak kollu li kien hemm fil-belt u fl-għelieqi. 29 Ħadu wkoll dak kollu li kellhom, ħadu lit-tfal u lin-nisa kollha tagħhom, u serqu kulma kien hemm fid-djar.
30 Minħabba f’hekk, Ġakobb qal lil Simegħon u lil Levi: “Intom ġibtuli ħafna inkwiet,* għax minħabba fikom sirt mibgħud min-nies tal-pajjiż, jiġifieri l-Kangħanin u l-Pereżin. Jien ftit għandi nies, u huma żgur li se jingħaqdu flimkien biex jattakkawni u jeqirduni għalkollox, lili u lil taʼ dari.” 31 Imma huma wiġbuh: “Għandu xi ħadd jittratta lil oħtna bħala prostituta?”