Numri
20 Fl-ewwel xahar, il-ġemgħa kollha tal-Iżraelin waslu fid-deżert taż-Żin, u n-nies bdew joqogħdu f’Kades. F’dan il-post mietet u ndifnet Mirjam.
2 Issa ma kienx hemm ilma għall-ġemgħa, u huma nġabru flimkien kontra Mosè u Aron. 3 In-nies bdew jargumentaw maʼ Mosè u jgħidulu: “Mhux li mitna meta mietu ħutna quddiem Ġeħova! 4 Għala ġibtu l-kongregazzjoni taʼ Ġeħova f’dan id-deżert? Biex aħna u l-annimali tagħna mmutu hawn? 5 U għala ħriġtuna mill-Eġittu biex iġġibuna f’dan il-post mill-agħar? Ma nistgħux niżirgħu f’dan il-post, u la hawn tin, la dwieli, la rummien, u lanqas ilma x’nixorbu.” 6 Imbagħad Mosè u Aron telqu minn quddiem il-kongregazzjoni u marru ħdejn id-daħla tat-tinda tal-laqgħa u nxteħtu wiċċhom fl-art, u bdiet tidhrilhom il-glorja taʼ Ġeħova.
7 U Ġeħova qal lil Mosè: 8 “Ħu l-bastun u iġbor il-ġemgħa m’Aron, u kellmu lill-blata quddiem għajnejhom biex tagħti l-ilma. B’hekk joħroġ l-ilma mill-blata u int tagħtih lill-ġemgħa u lill-annimali biex jixorbu.”
9 Għalhekk, Mosè ħa l-bastun minn quddiem Ġeħova, bħalma kien ikkmandah. 10 Imbagħad Mosè u Aron ġabru l-kongregazzjoni quddiem il-blata, u Mosè qalilhom: “Isimgħu issa, ja ribelli! Għandna aħna noħorġulkom l-ilma minn din il-blata?” 11 U Mosè għolla idu u ta żewġ daqqiet fuq il-blata bil-bastun tiegħu, u beda ħiereġ ħafna ilma, u l-ġemgħa u l-annimali tagħhom bdew jixorbu.
12 Iktar tard, Ġeħova qal lil Mosè u lil Aron: “Talli ma wrejtux fidi fija u ma qaddistunix quddiem il-poplu t’Iżrael, m’intomx se ddaħħlu lil din il-kongregazzjoni fl-art li se nagħtihom.” 13 Dawn huma l-ilmijiet taʼ Meriba,* fejn l-Iżraelin argumentaw maʼ Ġeħova, u hu wriehom li hu qaddis.
14 Imbagħad Mosè bagħat xi messaġġiera minn Kades għand ir-re t’Edom biex jgħidulu: “Hekk qal ħuk Iżrael, ‘Int taf sew bit-tbatija li għaddejna minnha. 15 Missirijietna marru l-Eġittu, u aħna għexna l-Eġittu ħafna snin, u l-Eġizzjani trattaw ħażin lilna u lil missirijietna. 16 Fl-aħħar għajjatna lil Ġeħova għall-għajnuna, u hu semagħna u bagħat anġlu u ħariġna mill-Eġittu. Issa qegħdin hawn f’Kades, belt f’tarf it-territorju tiegħek. 17 Jekk jogħġbok, ħallina ngħaddu minn artek. M’aħniex se ngħaddu minn ġo xi għalqa jew qasam tad-dwieli, u m’aħniex se nixorbu l-ilma minn xi bir. Aħna ngħaddu minn Triq ir-Re mingħajr ma nduru lejn il-lemin jew lejn ix-xellug sakemm noħorġu mit-territorju tiegħek.’”
18 Madankollu, ir-re t’Edom qal: “Ma tistgħux tgħaddu mit-territorju tagħna. Jekk tagħmlu hekk, niġi niltaqaʼ magħkom bix-xabla.” 19 U l-Iżraelin qalulu: “Se nitilgħu mit-triq prinċipali, u jekk aħna u l-annimali tagħna nixorbu mill-ilma tiegħek, inħallsu għalih. Ma rridu xejn ħlief li ngħaddu bil-mixi.” 20 Imma hu xorta qal: “Ma tistgħux tgħaddu.” U r-re t’Edom ħareġ jiltaqaʼ magħhom b’ħafna nies u b’armata* b’saħħitha. 21 Għalhekk, ir-re t’Edom ma riedx iħalli lil Iżrael jgħaddi mit-territorju tiegħu. B’hekk, Iżrael tbiegħed minnu.
22 Il-ġemgħa kollha t’Iżrael telqu minn Kades u waslu ħdejn il-Muntanja Ħor. 23 Imbagħad ħdejn il-Muntanja Ħor, qrib il-fruntiera tal-art t’Edom, Ġeħova qal lil Mosè u lil Aron: 24 “Aron se jinġabar maʼ niesu.* Hu mhux se jidħol fl-art li se nagħti lill-Iżraelin, minħabba li intom it-tnejn irribellajtu kontra l-kmand tiegħi rigward l-ilmijiet taʼ Meriba. 25 Ħu lil Aron u lil ibnu Elegħażar fuq il-Muntanja Ħor. 26 Neħħi l-ħwejjeġ t’Aron u libbishom lil ibnu Elegħażar, u Aron imut hemmhekk.”*
27 Għalhekk, Mosè għamel bħalma kien ikkmandah Ġeħova, u huma telgħu fuq il-Muntanja Ħor quddiem għajnejn il-ġemgħa kollha. 28 Imbagħad Mosè neħħa l-ħwejjeġ t’Aron u libbishom lil ibnu Elegħażar. Imbagħad Aron miet hemmhekk fuq il-quċċata tal-muntanja. U Mosè u Elegħażar niżlu minn fuq il-muntanja. 29 Meta l-ġemgħa kollha t’Iżrael saret taf li Aron kien miet, bkietu għal 30 jum.