Isaija
66 Ġeħova jgħid:
“Is-sema hi t-tron tiegħi, u l-art hi l-banketta għal saqajja.
Allura, fejn hi d-dar li tistgħu tibnuli,
U l-post fejn nistaʼ nistrieħ?”
2 “Jien stess għamilthom dawn l-affarijiet kollha,
U hekk bdew jeżistu,” jgħid Ġeħova.
“Imma se nħares lejn min hu umli,
Imdejjaq, u li qed jitriegħed minħabba* l-kelma tiegħi.
3 Għalija, min qed joqtol barri, hu bħal xi ħadd li qed joqtol raġel.
Min qed jissagrifika nagħġa, hu bħal min qed jikser għonq kelb.
Min qed joffri rigal, hu bħal min qed joffri d-demm taʼ ħanżir.
Min qed joffri l-inċens abjad, hu bħal min ibierek bi kliem maġiku.*
Huma jagħmlu dak li jridu,
U jieħdu pjaċir* b’dak li hu diżgustanti.
4 Allura, jien se nagħżel kif nikkastigahom,
U se nġib fuqhom dak li jitwerwru minnu.
Għax meta għajjattilhom, ħadd ma wieġeb;
Meta tkellimt, ħadd ma semaʼ minni.
Huma baqgħu jagħmlu dak li hu ħażin f’għajnejja,
U għażlu li jagħmlu dak li nobgħod.”
5 Isimgħu dak li qed jgħid Ġeħova, intom li qed titriegħdu* għal dak li jgħid:
“Ħutkom li jobogħdukom u li jwarrbukom minħabba ismi, jgħidu, ‘Ħa jiġi gglorifikat Ġeħova!’
Imma jien se nidher u se nferraħkom,
U huma se jkunu dawk li se jiġu mġiegħla jistħu.”
6 Qed jinstemaʼ storbju kbir ġej mill-belt, storbju minn ġot-tempju!
Għax Ġeħova qed jagħti lill-għedewwa tiegħu dak li ħaqqhom.
7 Hi welldet qabel ġieha l-uġigħ tal-ħlas.
Kellha tifel qabel kellha l-weġgħat tal-ħlas.
8 Min qatt semaʼ b’ħaġa bħal din?
Jew ra affarijiet bħal dawn?
Jistaʼ pajjiż isir f’jum wieħed?
Jew jistaʼ poplu jitwieled f’daqqa?
Imma, hekk kif Sijon ġieha l-uġigħ tal-ħlas, hi welldet it-tfal tagħha.
9 Ġeħova jgħid, “Sejjer jien inħalliha tasal sal-punt li twelled u mbagħad ma nħallihiex?”
L-Alla tiegħek jgħid, “Jew sejjer jien inġegħelha twelled, imma ma nħallix it-tarbija titwieled?”
10 Ifirħu ma’ Ġerusalemm u kunu kuntenti biha, intom ilkoll li tħobbuha.
Aqbżu bil-ferħ magħha, intom ilkoll li qed tibkuha,
11 Għax bħalma omm tagħti l-ħalib tagħha lit-tarbija sakemm tixbaʼ,
Hekk ukoll Ġerusalemm se tieħu ħsiebkom.
Intom se tkunu sodisfatti u ferħanin ħafna minħabba li ġiet igglorifikata.
12 Għax Ġeħova jgħid:
“Qed nagħtiha l-paċi bħal xmara
U l-glorja tal-popli bħal wied mifqugħ bl-ilma.
Se jitimgħukom u jġorrukom fuq ġenbejhom,
U se jilagħbu magħkom billi jgħollukom u jniżżlukom fuq irkopptejhom.
13 Bħalma omm tfarraġ lit-tifel tagħha,
Hekk se nibqaʼ nagħmel magħkom;
Intom se tiġu mfarrġin minħabba dak li jkun ġara lil Ġerusalemm.
14 Intom se taraw dan u qalbkom se tifraħ,
Se tkunu mimlijin ħajja bħall-ħaxix aħdar.
U l-qaddejja tiegħi se jsiru jafu bil-qawwa li għandi jien, Ġeħova,
Imma jien se nikkundanna lill-għedewwa tiegħi.”
15 “Għax jien, Ġeħova, se niġi bħal nar,
U l-karrijiet tiegħi bħal riefnu,
Biex lill-għedewwa tiegħi npattihielhom b’rabja kbira
U nikkastigahom bi fjammi tan-nar.
16 Għax jien, Ġeħova, se niġġudika bin-nar lin-nies kollha,
Iva, bix-xabla tiegħi;
U jien, Ġeħova, se noqtol lil ħafna.
17 “Dawk li qed iqaddsu u jnaddfu lilhom infushom biex jidħlu fil-ġonna speċjali* u jqimu alla falz, u dawk li qed jieklu l-laħam tal-ħnieżer, tal-ġrieden, u affarijiet diżgustanti oħra, se jmutu flimkien,” jgħid Ġeħova. 18 “Minħabba li naf dak li jagħmlu u l-ħsibijiet tagħhom, jien ġej biex niġbor in-nies tal-popli u l-lingwi kollha, u huma se jiġu u jaraw il-glorja tiegħi.”
19 “Se nagħmel xi ħaġa speċjali li jkunu jistgħu jaraw. Xi wħud minn dawk li ħarbu se nibgħathom għand il-popli, għand dawk li jużaw il-qaws bis-sengħa, jiġifieri dawk f’Tarsis, Pul, u Lud. Se nibgħathom ukoll għand dawk f’Tubal, Ġawan, u fil-gżejjer ’il bogħod. Għalkemm dawn ma semgħux dwari jew raw il-glorja tiegħi, huma se jitkellmu dwar il-glorja tiegħi fost il-popli. 20 Se jġibu lil ħutkom kollha mill-popli kollha bħala rigal għalija, Ġeħova, biż-żwiemel, bil-karrijiet, bil-karrijiet mgħottijin, bil-bgħula, u bl-iġmla ħfief, lejn il-muntanja qaddisa tiegħi, Ġerusalemm. Dan se jkun bħal meta n-nies t’Iżrael iġibu r-rigal tagħhom f’reċipjent nadif fid-dar tiegħi, Ġeħova,” jgħid Ġeħova.
21 “Xi wħud minnhom se niħodhom biex ikunu qassisin u oħrajn Leviti,” jgħid Ġeħova.
22 “Għax bħalma s-sema ġdida u l-art ġdida li qed nagħmel se jibqgħu jeżistu quddiemi, anki dawk li se jiġu minnkom u isimkom se jibqgħu jeżistu,” jgħid Ġeħova.
23 “In-nies kollha se jiġu u jmilu quddiemi,*
Huma se jibqgħu jagħmlu hekk kull xahar u kull ġimgħa,”* jgħid Ġeħova.
24 “U huma se jmorru u jħarsu lejn il-ġisem mejjet tan-nies li ħaduha kontrija;
Għax id-dud li qed jikolhom mhux se jmut,
U n-nar li qed jaħraqhom mhux se jintefa,
U se jsiru xi ħaġa diżgustanti għan-nies kollha.”