L-Aħbar Tajba Skont Mattew
16 Imbagħad resqu lejh il-Fariżej u s-Sadduċej, u biex jittestjawh talbuh jagħmel miraklu f’isem Alla. 2 Hu wiġibhom: “Meta filgħaxija s-sema tkun ħamra, intom tgħidu li l-għada se jkun temp sabiħ. 3 U meta filgħodu s-sema tkun ħamra imma jkun imsaħħab, intom tgħidu li dakinhar se jkun temp ikrah u bix-xita. Intom tifhmu x’se jiġri billi tħarsu lejn is-sema, imma ma tifhmux xi jfissru l-affarijiet li qed jiġru issa. 4 Intom ġenerazzjoni ħażina u mhux leali lejn Alla,* għax tridu taraw miraklu, imma mhu se tirċievu l-ebda miraklu ħlief il-miraklu li ġara lil Ġona.” Wara li qalilhom hekk, telaq.
5 Issa d-dixxipli qasmu għan-naħa l-oħra tax-xatt u nsew jieħdu l-ħobż magħhom. 6 Ġesù qalilhom: “Oqogħdu attenti mill-ħmira tal-Fariżej u s-Sadduċej.” 7 Għalhekk, bdew jirraġunaw bejniethom: “Aħna ma ġibniex ħobż magħna.” 8 Ġesù nduna b’dan u qalilhom: “Għala qed titkellmu dwar jekk ġibtux ħobż? Mela m’għandkomx biżżejjed fidi? 9 Għadkom m’intomx tifhmu? Ma tiftakrux kemm-il qoffa mlejtu wara li b’ħames ħobżiet kielu 5,000 raġel? 10 U ma tiftakrux kemm-il qoffa kbira mlejtu wara li b’sebaʼ ħobżiet kielu 4,000 raġel? 11 Kif ma fhimtux li ma kontx qed inkellimkom dwar il-ħobż? Imma oqogħdu attenti mill-ħmira tal-Fariżej u s-Sadduċej.” 12 Imbagħad huma fehmu li kien qed jgħidilhom biex joqogħdu attenti mit-tagħlim tal-Fariżej u s-Sadduċej, u mhux mill-ħmira tal-ħobż.
13 Meta wasal fir-reġjun taʼ Ċesarija Filippi, Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu: “In-nies min qed jgħidu li hu Bin il-bniedem?” 14 Huma wiġbuh: “Hemm min qed jgħid Ġwanni l-Għammied, min qed jgħid Elija, u hemm oħrajn qed jgħidu Ġeremija jew wieħed mill-profeti.” 15 Hu qalilhom: “Iżda intom min tgħidu li jien?” 16 Xmun Pietru wieġbu: “Int il-Kristu, Bin l-Alla l-ħaj.” 17 Ġesù qallu: “Imbierek int, Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri tas-sema. 18 Int Pietru, u fuq din il-blata se nibni l-kongregazzjoni tiegħi, u l-bibien tal-Qabar* mhux se jirbħulha. 19 Se nagħtik iċ-ċwievet tas-Saltna t’Alla.* Meta Alla japprova xi ħaġa, int se tapprovaha wkoll. U meta Alla ma japprovax xi ħaġa, int mhux se tapprovaha.”* 20 Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu b’leħen sod biex ma jgħidu lil ħadd li hu l-Kristu.
21 Minn dakinhar, Ġesù beda jispjega lid-dixxipli tiegħu li għandu jmur Ġerusalemm u jbati ħafna minħabba dak li se jagħmlulu l-anzjani,* il-qassisin importanti, u l-iskribi. Spjegalhom ukoll li kien se jiġi maqtul u li fit-tielet jum se jiġi rxoxtat. 22 Meta semaʼ dan, Pietru ħadu fil-ġenb u beda joġġezzjona* billi qallu: “Toqgħodx tgħid hekk Mulej. Żgur li mhux se jiġrilek dan.” 23 Imma Ġesù ta dahru lil Pietru u qallu: “Itlaq minn quddiemi Satana! Int taʼ tfixkil għalija, għax m’intix taħseb bħalma jaħseb Alla imma bħalma jaħsbu n-nies.”
24 Imbagħad Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ma jridx jgħix iktar għalih innifsu, imma jrid jissaporti l-persekuzzjoni* u jibqaʼ miexi warajja. 25 Għax min jipprova jsalva ħajtu, imut, imma min imut minħabba li hu dixxiplu tiegħi, se jgħix. 26 Għax x’jiswa li bniedem ikollu l-affarijiet kollha tad-dinja imma jitlef ħajtu?* Jew x’jistaʼ jagħti bniedem biex jixtri ħajtu?* 27 Fil-futur, jien, Bin il-bniedem, se jkolli awtorità kbira mingħand Missieri. U se niġi mal-anġli tiegħu u niġġudika lin-nies billi nikkastiga lil dawk li għamlu affarijiet ħżiena u nbierek lil dawk li għamlu affarijiet tajbin. 28 Naċċertakom li fostkom hemm min mhux se jmut qabel ma jara lili, Bin il-bniedem, immexxi fis-Saltna tiegħi.”