Ġenesi
7 Imbagħad Ġeħova qal lil Noè: “Idħlu fl-arka, int u n-nies kollha taʼ darek, għax int l-iktar wieħed ġust fost din il-ġenerazzjoni. 2 Ħu miegħek sebgħa minn kull annimal nadif,* raġel u mara; u minn kull annimal mhux nadif ħu tnejn biss, raġel u mara; 3 ħu wkoll sebgħa mill-ħlejjaq li jtiru fis-sema,* raġel u mara, biex dawn jibqgħu jgħixu fuq l-art kollha. 4 Għax sebat ijiem oħra, jien se nibgħat xita fuq l-art għal 40 jum u 40 lejl, u se neqred minn fuq wiċċ l-art kull ħaġa ħajja li għamilt.” 5 Imbagħad Noè għamel kulma kien ikkmandah Ġeħova.
6 Noè kellu 600 sena meta d-dulluvju għarraq l-art. 7 Għalhekk, Noè, it-tfal tiegħu, martu, u n-nisa tat-tfal tiegħu daħlu fl-arka qabel beda d-dulluvju. 8 Minn kull annimal nadif u minn kull annimal mhux nadif u mill-ħlejjaq li jtiru u minn kull annimal* ieħor fuq l-art, 9 daħlu għand Noè fl-arka tnejn tnejn, raġel u mara, bħalma kien ikkmanda Alla lil Noè. 10 U sebat ijiem wara, l-ilmijiet tad-dulluvju niżlu fuq l-art.
11 Meta Noè kellu 600 sena, fis-17 tat-tieni xahar, l-ilmijiet kollha fis-sema nfaqgħu u nfetħu bibien is-sema. 12 U x-xita niżlet bil-qliel fuq l-art għal 40 jum u 40 lejl. 13 Dakinhar stess Noè daħal fl-arka flimkien mat-tfal tiegħu Sem, Ħam, u Ġafet, u martu u t-tliet nisa tat-tfal tiegħu. 14 Huma daħlu maʼ kull annimal salvaġġ skont l-ispeċi tiegħu, kull annimal mans skont l-ispeċi tiegħu, kull annimal* ieħor fuq l-art skont l-ispeċi tiegħu, u kull ħliqa li ttir skont l-ispeċi tagħha, jiġifieri kull għasfur u kull ħliqa bil-ġwienaħ. 15 L-annimali ħajjin* kollha baqgħu deħlin għand Noè fl-arka, tnejn tnejn. 16 B’hekk, daħlu raġel u mara minn kull tip t’annimal, bħalma kien ikkmandah Alla. Imbagħad Ġeħova għalaq il-bieb.
17 Ix-xita baqgħet nieżla* għal 40 jum fuq l-art, u l-ilmijiet baqgħu jiżdiedu u bdew iġorru l-arka u din kienet fuq wiċċ l-ilmijiet ħafna ’l fuq mill-art. 18 L-ilmijiet tqawwew u baqgħu jiżdiedu ħafna fuq l-art, imma l-arka baqgħet fuq wiċċ l-ilmijiet. 19 U tant tqawwew l-ilmijiet li għattew il-muntanji għoljin kollha tal-art. 20 L-ilmijiet għolew 15-il kubitu* ’l fuq mill-muntanji.
21 Għalhekk, il-ħlejjaq ħajjin kollha* fuq l-art mietu, jiġifieri l-ħlejjaq li jtiru, l-annimali mansi, l-annimali slavaġ, il-ħlejjaq li jgħixu fi qtajjaʼ, u l-bnedmin kollha. 22 Kull ħaġa ħajja li tieħu n-nifs* fuq l-art niexfa mietet. 23 B’hekk, Hu qered kull ħaġa minn fuq wiċċ l-art, inkluż il-bniedem, l-annimali, il-ħlejjaq li jtiru fis-sema, u l-annimali* l-oħra kollha taʼ fuq l-art. Dawn ilkoll ġew meqrudin minn fuq l-art; u baqgħu ħajjin biss Noè u dawk li kienu miegħu fl-arka. 24 U l-ilmijiet baqgħu jgħarrqu l-art għal 150 jum.