Isaija
64 Mank ċarratt is-sema u nżilt,
Ħalli l-muntanji jitheżżu minħabba fik.
2 Mank inżilt bħan-nar li jqabbad il-friegħi nexfin
U jgħalli l-ilma,
Kieku l-għedewwa tiegħek kienu jsiru jafu b’ismek,
U l-popli kienu jirtogħdu quddiemek!
3 Meta għamilt affarijiet tal-għaġeb li lanqas għaddew minn moħħna,
Int inżilt, u l-muntanji theżżu quddiemek.
4 Minn żmien twil ilu, ħadd ma semaʼ, ta kas,
Jew ra Alla ħliefek,
Li taġixxi għal dawk li jistennewk bil-paċenzja.
5 Int ilqajt lil dawk li jagħmlu dak li hu sew bil-ferħ
Dawk li jiftakru fik u jagħmlu li trid int.
Int kont irrabjat ħafna,
Għax aħna bqajna nidinbu għal ħafna żmien.
Allura hemm tama għalina li nsalvaw?
6 Kollha kemm aħna sirna bħal xi ħadd mhux nadif,
U l-affarijiet tajbin kollha li għamilna huma bħal biċċa maħmuġa.*
Aħna se ninxfu bħall-weraq,
U l-iżbalji tagħna se jġorruna bħar-riħ.
7 M’hemm ħadd li qed ifaħħar lil ismek,
U ħadd mhu qed jipprova jfittex l-għajnuna tiegħek,
Għax int ħbejt wiċċek minna,
U tħallina niġu fix-xejn* minħabba l-iżbalji tagħna.
8 Imma issa Ġeħova, int Missierna.
Aħna t-tafal, u int Dak li tagħmel il-fuħħar;*
Aħna lkoll xogħol idejk.
9 Ġeħova, tirrabjax iżżejjed
U tibqax tiftakar l-iżbalji tagħna għal dejjem.
Jekk jogħġbok, ftakar li aħna lkoll il-poplu tiegħek.
10 Il-bliet qaddisin tiegħek saru deżert.
Sijon saret deżert
U Ġerusalemm art abbandunata.
11 It-tempju qaddis u glorjuż* tagħna,
Fejn kienu jfaħħruk missirijietna,
Ġie maħruq bin-nar
U l-affarijiet kollha li kienu għal qalbna saru ħerba.
12 Ġeħova, meta tara dan, se tibqaʼ ma tagħmel xejn?
Se tibqaʼ kwiet u se tħallina nbatu daqshekk?