Levitiku
8 Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u qallu: 2 “Ħu lil Aron u lit-tfal tiegħu, il-ħwejjeġ, iż-żejt tad-dlik, il-barri tal-offerta għad-dnub, iż-żewġ imtaten, u l-qoffa tal-ħobż bla ħmira, 3 u laqqaʼ lill-Iżraelin kollha fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa.”
4 Imbagħad Mosè għamel bħalma kien ikkmandah Ġeħova, u l-Iżraelin iltaqgħu fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa. 5 Mosè issa qalilhom: “Dan ikkmandana nagħmlu Ġeħova.” 6 Għalhekk, Mosè ħa ħdejh lil Aron u lit-tfal tiegħu u ħasilhom bl-ilma. 7 Imbagħad hu libbes lil Aron il-libsa twila, dawwarlu t-terħa miegħu, u libbsu l-libsa bla kmiem. Wara qegħedlu fuqu l-efod,* rabtu biċ-ċinturin minsuġ tal-efod, u ssikkah sew miegħu. 8 U poġġielu fuqu l-pettoral* u fil-pettoral poġġa l-Urim u t-Tummim. 9 Imbagħad poġġielu t-turban fuq rasu, u fuq in-naħa taʼ quddiem tat-turban poġġa l-istrixxa tleqq tad-deheb, is-sinjal qaddis tad-dedikazzjoni,* bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
10 Imbagħad Mosè ħa ż-żejt tad-dlik, dilek it-tabernaklu u kulma kien fih, u qaddishom. 11 Wara raxx ftit minnu sebaʼ darbiet fuq l-artal, u dilek l-artal, l-għodod kollha tiegħu, il-vaska, u l-bażi tagħha sabiex iqaddishom. 12 Fl-aħħar tefaʼ ftit miż-żejt tad-dlik fuq ras Aron u dilku sabiex iqaddsu.
13 Mosè mbagħad ħa ħdejh lit-tfal t’Aron, libbishom l-ilbies twil, dawrilhom it-trieħi magħhom, u poġġielhom* turban* fuq rashom, bħalma kien ikkmandah Ġeħova.
14 Imbagħad ħa l-barri tal-offerta għad-dnub, u Aron u t-tfal tiegħu meddew idejhom fuq ras il-barri tal-offerta għad-dnub. 15 Mosè qatlu, ħa d-demm b’sebgħu, poġġieh fuq il-qrun tal-artal fuq kull naħa, u ppurifika l-artal mid-dnub, imma l-bqija tad-demm ferrgħu man-naħa t’isfel tal-artal. B’hekk, hu qaddes l-artal sabiex ikunu jistgħu jsiru s-sagrifiċċji tat-tpattija fuqu. 16 Wara ħa x-xaħam kollu taʼ fuq l-imsaren, ix-xaħam tal-fwied, u ż-żewġ kilwiet u x-xaħam tagħhom, u Mosè ħaraqhom fuq l-artal. 17 Imbagħad il-kumplament tal-barri, inkluż il-ġilda, il-laħam, u l-ħmieġ tiegħu, ħaraqhom bin-nar ’il barra mill-kampijiet, bħalma kien ikkmandah Ġeħova.
18 Hu issa ħa ħdejh il-muntun tal-offerta tal-ħruq, u Aron u t-tfal tiegħu poġġew idejhom fuqu. 19 Imbagħad Mosè qatlu u raxx id-demm fuq kull naħa tal-artal. 20 U l-muntun ġie mqattaʼ kull biċċa għaliha, u Mosè ħaraq ir-ras, il-biċċiet, u x-xaħam.* 21 L-imsaren u s-saqajn* ħasilhom bl-ilma, u Mosè ħaraq il-muntun kollu kemm hu fuq l-artal. Din kienet offerta tal-ħruq bħala riħa pjaċevoli.* Kienet offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova, bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
22 Imbagħad ħa ħdejh it-tieni muntun li kellu jiġi offrut biex jiġu inkarigati bħala qassisin, u Aron u t-tfal tiegħu poġġew idejhom fuqu. 23 Mosè qatlu, ħa ftit minn demmu u poġġieh fuq id-dendula tal-widna l-leminija t’Aron, fuq is-subaʼ l-kbir taʼ idu l-leminija, u fuq is-subaʼ l-kbir taʼ siequ l-leminija. 24 Wara, ħa ħdejh lit-tfal t’Aron u poġġa ftit mid-demm fuq id-dendula tal-widna l-leminija tagħhom, fuq is-subaʼ l-kbir taʼ idhom il-leminija, u fuq is-subaʼ l-kbir taʼ sieqhom il-leminija. Hu raxx il-bqija tad-demm fuq kull naħa tal-artal.
25 Imbagħad ħa x-xaħam, id-denb imxaħħam, ix-xaħam kollu taʼ fuq l-imsaren, ix-xaħam tal-fwied, iż-żewġ kilwiet u x-xaħam tagħhom, u s-sieq il-leminija. 26 Mill-qoffa tal-ħobż bla ħmira li kienet quddiem Ġeħova ħa ħobża bla ħmira forma taʼ ftira, ħobża biż-żejt forma taʼ ftira, u galletta. Imbagħad poġġiehom fuq il-biċċiet tax-xaħam u fuq is-sieq il-leminija. 27 Wara, poġġiehom kollha fuq il-pali taʼ jdejn Aron u fuq il-pali taʼ jdejn it-tfal tiegħu u beda jxejjirhom ’il quddiem u lura bħala offerta li tiġi mxejra quddiem Ġeħova. 28 Imbagħad Mosè ħadhom minn idejhom u ħaraqhom fuq l-artal, fuq l-offerta tal-ħruq. Dawn kienu sagrifiċċju bħala riħa pjaċevoli* biex jiġu inkarigati l-qassisin. Kienet offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova.
29 Wara, Mosè ħa s-sidra u beda jxejjirha ’l quddiem u lura bħala offerta li tiġi mxejra quddiem Ġeħova. Din saret sehem Mosè mill-muntun offrut meta jiġu inkarigati l-qassisin, bħalma kien ikkmandah Ġeħova.
30 U Mosè ħa ftit miż-żejt tad-dlik u ftit mid-demm li kien fuq l-artal, u raxxhom fuq Aron u ħwejġu, u fuq it-tfal tiegħu u ħwejjiġhom. B’hekk, hu qaddes lil Aron u l-ħwejjeġ tiegħu u lit-tfal tiegħu u ħwejjiġhom.
31 Imbagħad Mosè qal lil Aron u lit-tfal tiegħu: “Għallu l-laħam fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa, u kuluh hemmhekk mal-ħobż li qiegħed fil-qoffa li tintuża meta jiġu inkarigati l-qassisin, għax jien ġejt ikkmandat, ‘Iridu jikluh Aron u t-tfal tiegħu.ʼ 32 Dak li jibqaʼ mil-laħam u mill-ħobż taħarquh bin-nar. 33 Għal sebat ijiem toħorġux mid-daħla tat-tinda tal-laqgħa, sakemm jgħaddu l-jiem li fihom tiġu inkarigati, għaliex hemm bżonn sebat ijiem biex tiġu inkarigati bħala qassisin.* 34 Ġeħova kkmanda li nagħmlu bħalma għamilna llum sabiex issir tpattija għalikom. 35 Intom toqogħdu fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa binhar u billejl għal sebat ijiem, u tagħmlu dak li intom obbligati lejn Ġeħova, sabiex ma tmutux; għax jien hekk ġejt ikkmandat.”
36 U Aron u t-tfal tiegħu għamlu kulma Ġeħova kien ikkmanda permezz taʼ Mosè.