It-Tieni Ktieb taʼ Samwel
11 Fil-bidu tas-sena,* fiż-żmien li r-rejiet joħorġu għall-gwerra, David bagħat lil Ġowab, lill-qaddejja tiegħu, u l-armata kollha t’Iżrael biex jeqirdu lill-Għammonin. Huma assedjaw Rabba waqt li David baqaʼ f’Ġerusalemm.
2 Darba filgħaxija* David qam mis-sodda u qagħad jippassiġġa fuq il-bejt tad-dar* tiegħu. Minn hemm ra mara sabiħa ħafna tinħasel. 3 Imbagħad David bagħat lil xi ħadd jistaqsi dwar il-mara u dan qallu: “Din hi Bat-seba bint Eligħam u mart Urija l-Ħitti.” 4 Imbagħad David bagħat messaġġiera għaliha. Għalhekk, hi daħlet għandu u kellu x’jaqsam magħha. (Dan ġara meta kienet qed tindaf min-nuqqas taʼ ndafa tagħha.*) Iktar tard, reġgħet lura lejn darha.
5 Il-mara ħarġet tqila, u bagħtet tgħid b’dan lil David. 6 Imbagħad David bagħat jgħid lil Ġowab: “Ibgħatli lil Urija l-Ħitti.” Għalhekk, Ġowab bagħat lil Urija għand David. 7 Meta Urija wasal għandu, David staqsieh kif kienu Ġowab u s-suldati, u kif kienet sejra l-gwerra. 8 David imbagħad qal lil Urija: “Inżel lejn darek u rrilassa.”* Meta Urija telaq mid-dar tar-re, ir-re bagħatlu rigal* warajh. 9 Madankollu, Urija raqad fid-daħla tad-dar tar-re mal-qaddejja l-oħrajn kollha taʼ sidu, u ma niżilx lejn daru. 10 Għalhekk qalu lil David: “Urija ma niżilx lejn daru.” Imbagħad David qal lil Urija: “Int għadek ġej minn vjaġġ. Għala ma nżiltx lejn darek?” 11 Urija wieġbu: “L-Arka, Iżrael, u Ġuda qegħdin fit-tined, u sidi Ġowab u l-qaddejja tiegħu qed jikkampjaw fl-għelieqi. Allura għandi jien immur id-dar biex niekol u nixrob u jkolli x’naqsam maʼ marti? Naħlef quddiemek, li daqskemm int ħaj,* din il-ħaġa ma nagħmilhiex!”
12 Imbagħad David qal lil Urija: “Oqgħod hawnhekk illum ukoll, u għada nibagħtek.” Għalhekk, Urija baqaʼ Ġerusalemm dakinhar u l-għada. 13 Imbagħad David bagħat għalih biex jiekol u jixrob miegħu, u ġiegħlu jisker. Imma filgħaxija hu ħareġ biex jorqod fuq is-sodda mal-qaddejja taʼ sidu, u ma niżilx id-dar. 14 Filgħodu David kiteb ittra lil Ġowab u bagħatha ma’ Urija. 15 Fl-ittra kiteb: “Poġġu lil Urija fuq quddiem tal-battalja fejn il-ġlied hu aħrax ħafna. Imbagħad tbiegħdu minn warajh ħalli joqtluh.”
16 Ġowab kien qed jgħasses sew il-belt, u poġġa lil Urija fejn kien jaf li hemm il-gwerriera b’saħħithom. 17 Meta l-irġiel tal-belt ħarġu jiġġieldu kontra Ġowab, xi wħud mill-qaddejja taʼ David mietu, u Urija l-Ħitti kien wieħed minnhom. 18 Ġowab issa bagħat jgħid lil David b’kulma ġara fil-gwerra. 19 Hu qal lill-messaġġier: “Malli tgħid lir-re b’kulma ġara fil-gwerra, 20 ir-re jistaʼ jkun li jirrabja u jgħidlek, ‘Għala kellkom tmorru daqshekk qrib il-belt biex tiġġieldu? Ma kontux tafu li kienu se jisparaw minn fuq is-sur? 21 Min kien li qatel lil Abimelek bin Ġerubbeset? Mhux mara kienet li waddbet ġebla taʼ mitħna* fuqu mis-sur, u b’hekk hu miet f’Tebes? Għala kellkom tmorru daqshekk qrib is-sur?’ Imbagħad għidlu, ‘Il-qaddej tiegħek Urija l-Ħitti miet ukoll.’”
22 Għalhekk, il-messaġġier mar jgħid lil David kulma kien bagħat jgħidlu Ġowab. 23 Imbagħad il-messaġġier qal lil David: “L-irġiel kienu iktar b’saħħithom minna, u ħarġu kontrina fl-għelieqi; imma aħna bqajna rrossuhom lura sad-daħla taʼ bieb il-belt. 24 U l-arċiera kienu qed jisparaw fuq il-qaddejja tiegħek minn fuq is-sur, u xi wħud minnhom mietu. Il-qaddej tiegħek Urija l-Ħitti miet ukoll.” 25 Għal dan, David qal lill-messaġġier: “Hekk għidlu lil Ġowab, ‘Tħallix din il-kwistjoni tinkwetak, għax kulħadd jistaʼ jmut fil-battalja. Attakka l-belt b’saħħtek kollha u egħlibha.’” Imbagħad qallu biex jinkuraġġixxi lil Ġowab.
26 Meta mart Urija semgħet li żewġha kien miet, bdiet tibkih. 27 Meta għadda ż-żmien tal-vistu, David bagħat għaliha u ħadha f’daru. Hi saret martu u wellditlu tifel. Imma dak li kien għamel David m’għoġbu xejn lil* Ġeħova.