Isaija
61 L-ispirtu taʼ Ġeħova s-Sid taʼ Kollox* qiegħed fuqi,
Għax Ġeħova għażilni* biex nipprietka aħbar tajba lill-umli.
Hu bagħatni biex infejjaq lil dawk taʼ qalbhom maqsuma,
Biex ngħid lill-ilsiera li se jiġu meħlusin,
Biex niftaħ għajnejn il-ħabsin,
2 Biex inxandar li wasal iż-żmien biex Ġeħova juri ħniena*
U ż-żmien biex jivvendika ruħu mill-għedewwa,
Biex infarraġ lil dawk kollha mdejqin
3 Biex nieħu ħsieb lil dawk li huma mdejqin minħabba dak li ġara lil Sijon,
U biex nagħtihom xi ħaġa ħalli jżejnu rashom minflok l-irmied,
Iż-żejt ħalli jifirħu minflok ma jkunu mdejqin,
U libsa ħalli jfaħħruni minflok ma jkunu qalbhom sewda.
In-nies se jsejħulhom siġar kbar tal-ġustizzja,
Li ħawwel Ġeħova biex ikunu jistgħu jigglorifikawh.*
4 Huma se jerġgħu jibnu l-postijiet li ilhom ħerba;
Se jerġgħu jtellgħu l-postijiet li ilhom abbandunati żmien twil,
U jerġgħu jirranġaw il-bliet li kienu ħerba,
Il-postijiet li kienu ħerba fil-ġenerazzjonijiet tal-passat.
5 “L-istranġieri se jiġu u jirgħaw l-imrieħel tagħkom,
U l-barranin se jkunu l-bdiewa tagħkom u dawk li jiħdulkom ħsieb id-dwieli.
6 Intom se tissejħu l-qassisin taʼ Ġeħova;
In-nies se jsejħulkom il-qaddejja tal-Alla tagħna.
Intom se tużaw il-ġid tal-popli,
U tiftaħru bl-affarijiet glorjużi li tirċievu mingħandhom.
7 Il-poplu tiegħi ġie mġiegħel jistħi, imma issa se jiġi mbierek id-doppju,
Minflok ma jkunu umiljati, huma se jgħajtu bil-ferħ peress li jiġu mberkin.
Iva, huma se jkollhom sehem doppju fl-art tagħhom
U se jifirħu għal dejjem.
8 Għax jien, Ġeħova, inħobb il-ġustizzja,
Nobgħod is-serq u l-inġustizzja.
Jien se nkun leali magħhom billi nippremjahom
U nagħmel patt magħhom għal dejjem.
9 Id-dixxendenti tagħhom se jkunu magħrufin mal-ġnus,
U dawk li jiġu minnhom mal-popli.
Dawk kollha li jarawhom se jindunaw
Li huma d-dixxendenti li ġew imberkin minn Ġeħova.”
10 Jien se nifraħ ħafna b’Ġeħova.
Se nifraħ bl-Alla tiegħi b’qalbi* kollha.
Għax hu libbisni l-ħwejjeġ tas-salvazzjoni;
Dawwar miegħi l-libsa* tal-ġustizzja,
Bħalma għarus jilbes turban bħal tal-qassis,
U bħal għarusa li tiżżejjen bil-ġojjelli tagħha.
11 Għax bħalma l-art tnibbet
U l-ġnien inibbet dak li ġie miżrugħ fih,
Ġeħova s-Sid taʼ Kollox
Se juri lill-popli kollha li se jagħmel ġustizzja u li se jiġi mfaħħar.