It-Tieni Ittra lill-Korintin
11 Nixtieq li tieħdu paċenzja bija, anki jekk nidher li m’iniex raġunevoli. Infatti hekk qed tagħmlu! 2 Jien jimpurtani ħafna minnkom bħalma jimpurtah Alla,* għax jien stess wegħedtkom fiż-żwieġ lil raġel wieħed, lill-Kristu, u rrid nippreżentakom lilu bħala verġni. 3 Imma qed nibżaʼ li b’xi mod bħalma s-serp qarraq b’Eva bil-makakkerija tiegħu, xi ħadd iqarraq bikom billi jħassar lil moħħkom u ma jħallikomx tobdu lill-Kristu b’qalb sħiħa u tgħixu ħajja nadifa kif jixraq lilu. 4 Qed ngħid hekk, għax jekk jiġi xi ħadd u jipprietka dwar Ġesù ieħor u mhux dak li ppritkajna dwaru aħna, jew tirċievu spirtu ieħor minn dak li rċivejtu, jew aħbar tajba minflok dik li aċċettajtu, intom se taċċettaw dak li jgħid. 5 Għax jien naħseb li m’hemm xejn li juri li jien inferjuri minn dawk l-appostli li jaħsbu li huma tajbin ħafna. 6 Imma anki jekk ma ninqalax biex nitkellem, jien żgur li għandi l-għarfien dwar Alla. Infatti, dan urejnihulkom b’mod ċar b’kull mod u b’kull ħaġa.
7 Jien minn qalbi xandartilkom l-aħbar tajba dwar Alla b’xejn u umiljajt ruħi ħalli intom tiġu onorati. Allura dnibt billi għamilt hekk? 8 Biex naqdikom, jien aċċettajt għajnuna* mingħand kongregazzjonijiet oħrajn u b’hekk bħallikieku sraqthom. 9 Madankollu, meta kont magħkom u ġejt fil-bżonn, jien ma kont taʼ piż fuq ħadd għax l-aħwa li ġew mill-Maċedonja tawni kulma kelli bżonn. Iva, għamilt minn kollox biex ma nkunx taʼ piż fuqkom u se nkompli nagħmel hekk. 10 Sakemm indum dixxiplu taʼ Kristu, jien se nibqaʼ niftaħar dwar dan fl-Akaja kollha. 11 Għala ma rridx inkun taʼ piż għalikom? Għax ma nħobbkomx? Alla jaf li nħobbkom.
12 Hemm xi wħud li qed jiftaħru u qed jgħidu li huma appostli bħalna. Għalhekk, jien se nkompli nagħmel dak li dejjem għamilt, ħalli b’hekk ma nħallilhomx raġuni* biex jiftaħru. 13 Għax irġiel bħal dawn huma appostli foloz, iqarrqu b’dak li jagħmlu, u jagħmlu tabirruħhom li huma appostli taʼ Kristu. 14 U mhux se nistagħġeb b’dan, għax Satana nnifsu jibqaʼ jagħmel tabirruħu li hu anġlu tajjeb.* 15 Għalhekk, mhux se nistagħġeb jekk il-qaddejja tiegħu jkomplu jagħmlu tabirruħhom li qed jagħmlu dak li hu tajjeb. Imma t-tmiem tagħhom se jkun skont kif jaġixxu.
16 Nerġaʼ ngħidilkom: Taħsbux li jien mhux raġunevoli. Imma anki jekk taħsbu hekk, aċċettawni bħala bniedem mhux raġunevoli ħalli anki jien inkun nistaʼ niftaħar ftit. 17 Bħalissa mhux qed nitkellem bħalma kieku jitkellem il-Mulej, imma minflok qed nitkellem bħal persuna mhux raġunevoli li tafda fiha nfisha u tiftaħar. 18 Peress li ħafna qed jiftaħru bl-affarijiet taʼ din id-dinja,* anki jien se niftaħar. 19 Ladarba tgħidu li intom raġunevoli, allura kif taċċettaw bil-ferħ lil dawk li mhumiex raġunevoli? 20 Infatti, intom taċċettaw lil kull min jagħmilkom ilsiera, lil kull min jisraq jew jaħtaf dak li għandkom, lil kull min jgħid li hu aħjar minnkom, u lil kull min jagħtikom bil-ħarta.
21 Hu taʼ diżunur li qed ngħidu dan, għax xi wħud jistgħu jaħsbu li m’għandniex kuraġġ nużaw l-awtorità li għandna b’mod xieraq.
Imma jekk xi wħud ma jiddejqux jiftaħru, allura lanqas jien mhu se niddejjaq niftaħar, anki jekk ikun hemm min jaħseb li jien m’iniex raġunevoli. 22 Huma Lhud? Anki jien. Huma Iżraelin? Anki jien. Jiġu minn Abraham? Anki jien. 23 Huma qaddejja* taʼ Kristu? Se nwieġeb bħal raġel miġnun, jien nispikka iktar minnhom. Jien għamilt ħafna iktar xogħol, ġejt mitfugħ il-ħabs iktar spiss, batejt ħafna swat, u kont fil-periklu li mmut ħafna drabi. 24 Ħames darbiet qlajt 39 daqqa mingħand il-Lhud, 25 ġejt imsawwat bil-bsaten tliet darbiet, darba ppruvaw joqtluni billi waddbuli l-ġebel, tliet darbiet tkisser il-vapur li kont fuqu, u għamilt ġurnata u lejl fil-baħar. 26 Fil-vjaġġi li nagħmel taʼ sikwit, ħajti kienet fil-periklu fix-xmajjar, mill-ħallelin, mill-poplu tiegħi stess, min-nies tal-popli, fil-bliet, fid-deżert, fil-baħar, u fost aħwa foloz. 27 Ukoll, ħdimt iebes u tħabatt, spiss kien hemm iljieli li ma rqadtx, kont bil-ġuħ u bil-għatx, spiss mingħajr ikel, batejt il-kesħa, u ma kellix biżżejjed ħwejjeġ.
28 Minbarra dawn l-affarijiet kollha, jien kuljum ninkwieta* għall-kongregazzjonijiet kollha. 29 Meta xi ħadd ikun dgħajjef, jien niġi effettwat.* Meta xi ħadd jiġi mfixkel, jien nirrabja ħafna.
30 Jekk għandi niftaħar, jien niftaħar bl-affarijiet li juru d-dgħufijiet tiegħi. 31 L-Alla li hu l-Missier tal-Mulej Ġesù, il-Wieħed li għandu jiġi mfaħħar għal dejjem, jaf li mhux qed nigdeb. 32 F’Damasku, il-gvernatur li jaqdi taħt ir-Re Areta, poġġa gwardji fil-bibien tal-belt biex jaqbadni, 33 imma l-aħwa niżżluni f’qoffa minn tieqa fis-sur u ħrabt minn taħt idejh.