Ġeremija
25 Ġeħova kellem lili, Ġeremija, dwar in-nies kollha taʼ Ġuda fir-rabaʼ sena li kien qed imexxi r-Re Ġeħojakim taʼ Ġuda bin Ġosija, li kienet l-ewwel sena li kien qed imexxi r-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja. 2 Jien, il-profeta Ġeremija, għedt hekk dwar in-nies* kollha taʼ Ġuda u dawk kollha li joqogħdu f’Ġerusalemm:
3 “Ġeħova kellimni dawn l-aħħar 23 sena, mit-13-il sena tar-Re Ġosija taʼ Ġuda bin Amon sal-lum. U jien bqajt inkellimkom għal darba wara l-oħra, imma intom ma smajtux. 4 Għal darba wara l-oħra, Ġeħova bagħtilkom il-qaddejja kollha tiegħu l-profeti, imma intom la smajtu u lanqas tajtu kas.* 5 Dawn kienu jgħidulkom, ‘Jekk jogħġobkom, tibqgħux tagħmlu affarijiet ħżiena u duru lura mill-ħażen tagħkom. Jekk tagħmlu hekk, se tkomplu tgħixu għal żmien twil f’din l-art li Ġeħova ta lilkom u lil missirijietkom żmien twil ilu. 6 Toffendunix b’dak kollu li tagħmlu billi tqimu allat oħrajn, taqduhom, u tmilu quddiemhom, għax inkella nġib diżastru fuqkom.’
7 “Ġeħova jgħid, ‘Imma intom ma smajtux minni. Minflok, offendejtuni b’dak kollu li tagħmlu u ġibtu diżastru fuqkom stess.’
8 “Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova tal-armati, ‘“Peress li m’obdejtux dak li għedtilkom, 9 se nibgħat għall-popli kollha tat-Tramuntana, billi se nibgħat għall-qaddej tiegħi r-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja, u se nġibhom kontra din l-art, kontra n-nies li joqogħdu fiha, u kontra l-popli kollha taʼ madwarha,” jgħid Ġeħova. “Se neqridhom u dawk li jarawhom se jibżgħu u se jxenglu rashom.* Jien se nagħmilhom ħerba għalkollox. 10 Se nwaqqaf il-ħoss taʼ ferħ kbir u tal-kuntentizza, il-leħen tal-għarus u l-għarusa, il-ħoss tal-mitħna tal-idejn, u d-dawl tal-lampa. 11 U se nagħmel din l-art ħerba u tal-biżaʼ, u dawn il-popli jridu jaqdu lir-re taʼ Babilonja għal 70 sena.”’
12 “‘Imma wara li jgħaddu s-70 sena, jien se nikkastiga lir-re* taʼ Babilonja u l-poplu tiegħu għall-ħażen tagħhom. U l-art tal-Kaldin se nagħmilha art abbandunata għal dejjem,’ jgħid Ġeħova. 13 ‘Se nġib fuq dik l-art dak kollu li għedt kontriha, inkluż dak kollu li hemm miktub f’dan il-ktieb li Ġeremija pprofetizza kontra l-popli kollha. 14 Il-Kaldin se jsiru lsiera għal ħafna popli u għal rejiet kbar, u jien se npattihielhom għal kif jgħixu ħajjithom u għal dak kollu li jagħmlu.’”
15 Għax Ġeħova, l-Alla t’Iżrael, qalli hekk: “Ħu din it-tazza tal-inbid tar-rabja minn idi, u ġiegħel lill-popli kollha li jien nibagħtek għandhom jixorbu minnha. 16 Huma se jixorbu, jixxenglu, u jaġixxu bħal wieħed miġnun meta nibgħat l-għadu tagħhom jattakkahom bix-xabla.”
17 Allura ħadt it-tazza minn id Ġeħova u ġegħelt lill-popli kollha li Ġeħova bagħatni għandhom biex jixorbu minnha: 18 bdejt minn Ġerusalemm u l-bliet taʼ Ġuda, u mir-rejiet u l-mexxejja tagħhom, għax Alla ddeċieda li jeqridhom. In-nies se jxenglu rashom meta jarawhom u se jużawhom bħala eżempju taʼ nies li huma misħutin peress li se jibqgħu mbellhin meta jaraw xi ġralhom, bħalma qed jiġri llum. 19 Imbagħad komplejt mill-Fargħun ir-re tal-Eġittu, il-qaddejja tiegħu, il-mexxejja tiegħu, in-nies kollha tiegħu, 20 u l-barranin kollha li jgħixu f’pajjiżu; ir-rejiet kollha tal-art t’Uż, ir-rejiet kollha tal-art tal-Filistin, jiġifieri r-re t’Askelon, taʼ Gaża, t’Għekron, u taʼ dawk li fadal minn Asdod; 21 l-Edomin, il-Mowabin, u l-Għammonin; 22 ir-rejiet kollha taʼ Tir, ir-rejiet kollha taʼ Sidon, u r-rejiet tal-gżejjer;* 23 in-nies taʼ Dedan, Tema, Buż, u dawk kollha li jqaxxru x-xagħar tal-ġenb taʼ rashom; 24 ir-rejiet kollha tal-Għarab u r-rejiet kollha tan-nies differenti li jgħixu fid-deżert; 25 ir-rejiet kollha taʼ Żimri, ir-rejiet kollha t’Għelam, u r-rejiet kollha tal-Medin; 26 ir-rejiet kollha tat-Tramuntana li qegħdin fil-viċin u fil-bogħod, wieħed wara l-ieħor, u s-saltniet l-oħrajn kollha fuq l-art; u r-re taʼ Sesak* se jixrob warajhom.
27 “U għandek tgħidilhom, ‘Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, jgħidilkom hekk: “Ixorbu, iskru, irremettu, u aqgħu ħalli ma terġgħux tqumu, għax se nibgħat l-għadu biex joqtolkom bix-xabla.”’ 28 U jekk ma jkunux iridu jieħdu t-tazza minn idek u jixorbu, għidilhom, ‘Ġeħova tal-armati jgħid hekk: “Bilfors tridu tixorbu. 29 Jien l-ewwel se nġib diżastru fuq il-belt li tissejjaħ b’ismi. Allura sejjer ma nikkastigax lilkom?”’
“‘Intom se tiġu kkastigati, għax jien se nibda gwerra* kontra n-nies kollha tal-art,’ jgħid Ġeħova tal-armati.
30 “U għandek tipprofetizzalhom dak kollu li se ngħidlek, u għidilhom,
‘Ġeħova se jgħajjat mill-għoli
U se jsemmaʼ leħnu mill-post qaddis tiegħu.
Hu se jgħajjat ħafna maʼ dawk li qegħdin fil-post tiegħu fuq l-art.
Bħalma jgħajtu bil-ferħ dawk li jagħsru l-inbid,
Hu se jkanta għanja taʼ rebħa kontra n-nies kollha tal-art.’
31 Ġeħova jgħid: ‘Se jinstemaʼ ħoss mad-dinja kollha,
Għax jien, Ġeħova, għandi xi ngħid mal-popli.
Jien stess se nġib ġudizzju fuq in-nies kollha.
U lill-ħżiena se noqtolhom bix-xabla.’
32 Hekk jgħid Ġeħova tal-armati:
‘Se jkun hemm diżastru fuq poplu wara l-ieħor,
U se tqum tempesta kbira mill-iżjed postijiet imbegħdin fl-art.
33 “‘U dawk li jien, Ġeħova, se noqtol dakinhar, se jkunu kullimkien, minn tarf sa tarf tal-art. La se jibkuhom, la se jiġbruhom, u lanqas jidfnuhom. Se jsiru bħal demel fuq wiċċ l-art.’
34 Ibku u għajtu intom ir-ragħajja!
Intom in-nagħaġ importanti, tmiegħku fl-art,
Għax wasal iż-żmien biex tinqatlu u tinfirxu,
U se taqgħu u titfarrku bħal reċipjent prezzjuż!
35 Ir-ragħajja m’għandhomx fejn jaħarbu,
U n-nagħaġ importanti mhux se jeħilsuha.
36 Isimgħu l-għajjat tar-ragħajja
U l-biki tan-nagħaġ importanti,
Għax jien, Ġeħova, qed inħarbtilhom il-post fejn jirgħaw.
37 U l-postijiet fejn kienu jgħixu fil-paċi spiċċaw bla ħajja
Minħabba r-rabja kbira tiegħi, Ġeħova.
38 Jien se noħroġ minn posti bħal iljun b’saħħtu,
Għax l-art tagħhom se tispiċċa ħerba
Minħabba li x-xabla ntużat bla ħniena
U minħabba r-rabja kbira tiegħi.”