Ġeremija
37 Ir-Re Sedekija bin Ġosija beda jmexxi minflok Konija* bin Ġeħojakim, għax ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja kien għamlu re fl-art taʼ Ġuda. 2 Imma hu, il-qaddejja tiegħu, u n-nies tal-pajjiż ma semgħux minn dak li qal Ġeħova permezz tiegħi, il-profeta Ġeremija.
3 Ir-Re Sedekija bagħat lil Ġeħukal bin Selemija u lil Sofonija bin il-qassis Magħseja għandi, il-profeta Ġeremija, u qaluli: “Jekk jogħġbok, itlob għalina lil Ġeħova l-Alla tagħna.” 4 Jien kien għad kelli l-libertà li nkun ħdejn in-nies, għax kienu għadhom ma tefgħunix il-ħabs. 5 Issa l-armata tal-Fargħun kienet ħarġet mill-Eġittu, u meta l-Kaldin li kienu qed jassedjaw lil Ġerusalemm semgħu dwar dan, huma rtiraw minn hemm. 6 Imbagħad jien, il-profeta Ġeremija, irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova: 7 “Hekk jgħid Ġeħova, l-Alla t’Iżrael, ‘Hekk għandkom tgħidulu lir-re taʼ Ġuda li bagħatkom tistaqsuni dwar dan: “L-armata tal-Fargħun li ġejja biex tgħinkom se jkollha tmur lura f’pajjiżha, l-Eġittu. 8 U l-Kaldin se jiġu lura, jiġġieldu kontra din il-belt, jirbħuha, u jaħarquha.” 9 Hekk jgħid Ġeħova: “Tqarrqux bikom infuskom billi tgħidu, ‘Il-Kaldin mhux se jiġu lura,’ għax żgur se jerġgħu jiġu. 10 Anki li kieku kellkom tegħlbu l-armata kollha tal-Kaldin li qed jiġġieldu kontrikom u jibqaʼ biss ftit irġiel feruti, huma xorta joħorġu mit-tined tagħhom u jaħarqu din il-belt.”’”
11 Meta l-armata tal-Kaldin kienet irtirat minn Ġerusalemm minħabba l-armata tal-Fargħun, 12 jien, Ġeremija, tlaqt minn Ġerusalemm biex immur fl-art taʼ Benjamin biex nirċievi sehmi fost il-poplu tiegħi. 13 Imma meta wasalt fil-Bieb taʼ Benjamin, l-uffiċjal tal-għassiesa, li kien Irija bin Selemija u n-neputi taʼ Ħananija, ħataf lili, il-profeta Ġeremija, u qalli: “Int qed taħrab biex tmur għand il-Kaldin!” 14 Imma jien għedtlu: “Mhux veru! Jien mhux qed naħrab biex immur għand il-Kaldin.” Iżda hu ma tax kasi. Għalhekk, Irija arrestani u ħadni għand il-mexxejja. 15 Il-mexxejja tgħidx kemm kienu rrabjati miegħi. Huma sawtuni u tefgħuni priġunier* fid-dar tas-segretarju Ġeħonatan, li kienu għamluha ħabs. 16 Lili, Ġeremija, poġġewni fil-ħabs taħt l-art* fil-kmamar bil-ħnejjiet u bqajt hemm għal ħafna żmien.
17 Imbagħad ir-Re Sedekija bagħat għalija, u bil-moħbi staqsieni fil-palazz tiegħu: “Hemm xi messaġġ mingħand Ġeħova?” Jien, Ġeremija, wiġibtu, “Iva hemm. Int se tingħata f’idejn ir-re taʼ Babilonja!”
18 Jien, Ġeremija, għedtlu wkoll lir-Re Sedekija: “B’liema mod dnibt kontrik, kontra l-qaddejja tiegħek, u kontra dan il-poplu, biex tfajtuni l-ħabs? 19 Fejn huma l-profeti tagħkom li pprofetizzawlkom, ‘Ir-re taʼ Babilonja mhux se jiġi kontrikom u kontra din l-art’? 20 Jekk jogħġbok, sidi r-re, ismagħni. Jalla tagħtini dak li se nitolbok. Terġax tibgħatni lura fid-dar tas-segretarju Ġeħonatan, inkella mmut hemm.” 21 Allura r-Re Sedekija ta kmand biex jien, Ġeremija, ninżamm arrestat fil-Bitħa tal-Għassa. Hemmhekk ingħatajt biċċa ħobż kuljum mit-triq tal-furnara, sakemm spiċċa l-ħobż kollu tal-belt. U jien bqajt fil-Bitħa tal-Għassa.