Numri
31 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: 2 “Agħmel vendetta mill-Midjanin għall-Iżraelin. Imbagħad tinġabar maʼ niesek.”*
3 Għalhekk, Mosè qal lin-nies: “Lestu rġiel għall-battalja* minn fostkom kontra l-Midjanin ħalli jġibu l-vendetta taʼ Ġeħova fuqhom. 4 Għandkom tibagħtu għall-armata 1,000 raġel minn kull tribù, mit-tribujiet kollha t’Iżrael.” 5 Għalhekk, mill-eluf t’Iżrael, ġew inkarigati 1,000 minn kull tribù, 12,000 armati għall-battalja.*
6 Imbagħad Mosè bagħathom fl-armata, 1,000 minn kull tribù, flimkien maʼ Fineħas bin Elegħażar. Fineħas kien il-qassis għall-armata, li kien inkarigat fuq l-għodod qaddisin u t-trumbetti tal-gwerra. 7 Dawn iggwerraw kontra Midjan, bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè, u qatlu lil kull raġel. 8 Flimkien mal-maqtulin l-oħrajn, huma qatlu lir-rejiet taʼ Midjan, jiġifieri lil Evi, Rekem, Żur, Ħur, u Reba, il-ħames rejiet taʼ Midjan. Huma qatlu wkoll lil Balgħam bin Begħor bix-xabla. 9 Imma l-Iżraelin ħadu fil-jasar lin-nisa u t-tfal taʼ Midjan. Huma serqulhom ukoll l-annimali, l-imrieħel, u kulma kellhom. 10 U ħarqulhom il-bliet kollha li kienu jgħixu fihom u l-kampijiet* kollha tagħhom. 11 Huma ħadu kulma serqu, kemm nies u kemm annimali, 12 għand Mosè, Elegħażar il-qassis, u l-ġemgħa tal-Iżraelin ħdejn il-kampijiet, fil-pjanuri tad-deżert taʼ Mowab qrib il-Ġordan f’Ġeriko.
13 Imbagħad Mosè, Elegħażar il-qassis, u l-kapijiet kollha tal-ġemgħa marru jiltaqgħu magħhom ’il barra mill-kampijiet. 14 Imma Mosè rrabja ħafna għall-irġiel inkarigati tal-qawwiet militari, għall-kapijiet tal-eluf, u l-kapijiet tal-mijiet li kienu ġejjin mill-battalja. 15 Mosè qalilhom: “Ħallejtu n-nisa kollha ħajjin? 16 Kienu huma li fuq il-kliem taʼ Balgħam ħajru lill-Iżraelin biex jaġixxu b’nuqqas taʼ lealtà lejn Ġeħova minħabba l-kwistjoni taʼ Pegħor, u b’hekk ġie l-kastig fuq il-ġemgħa taʼ Ġeħova. 17 Issa oqtlu lis-subien kollha fost it-tfal u lil kull mara li kellha relazzjonijiet sesswali. 18 Imma tistgħu tħallu ħajjin il-bniet kollha li huma verġni. 19 U intom tridu tikkampjaw ’il barra mill-kampijiet għal sebat ijiem. Kull min qatel lil xi ħadd u kull min mess lil xi ħadd maqtul għandu jitnaddaf b’mod ċerimonjali fit-tielet u fis-sebaʼ jum, intom u l-ilsiera tagħkom. 20 U għandkom tnaddfu mid-dnub kull libsa, kull oġġett tal-ġilda, kulma hu magħmul mix-xagħar tal-mogħoż, u kull oġġett tal-injam.”
21 Elegħażar il-qassis imbagħad qal lill-irġiel tal-armata li kienu marru għall-battalja: “Din hi l-liġi li Ġeħova ta lil Mosè, 22 ‘Id-deheb, il-fidda, ir-ram, il-ħadid, il-landa, u ċ-ċomb, 23 jiġifieri kulma jiflaħ għan-nar, għandkom tgħadduhom min-nar u jkunu nodfa. Madankollu, għandkom tnaddfuhom ukoll bl-ilma li jagħmilhom aċċettabbli għal Alla. Kull ħaġa li ma tiflaħx għan-nar, għandkom taħsluha bl-ilma. 24 U għandkom taħslu ħwejjiġkom fis-sebaʼ jum u tkunu nodfa, u mbagħad tkunu tistgħu tidħlu fejn hemm il-kampijiet.’”
25 Ġeħova mbagħad qal dan lil Mosè: 26 “Agħmel lista taʼ dak li nsteraq u għodd kemm inqabdu nies u annimali. Agħmel dan maʼ Elegħażar il-qassis u mal-kapijiet tal-familji tal-ġemgħa. 27 Aqsam bin-nofs kulma nsteraq bejn dawk fl-armata li ħadu sehem fil-battalja u l-bqija tal-ġemgħa. 28 Bħala taxxa għal Ġeħova, ħu mingħand is-suldati li marru għall-battalja ruħ* minn kull 500, mill-bnedmin, mill-baqar, mill-ħmir, u min-nagħaġ. 29 Għandkom tiħduha mis-sehem tagħhom u tagħtuha lil Elegħażar il-qassis bħala l-kontribuzzjoni taʼ Ġeħova. 30 U mis-sehem li ngħata lill-Iżraelin għandek tieħu wieħed minn kull 50, mill-bnedmin, mill-baqar, mill-ħmir, min-nagħaġ, u minn kull tip taʼ bhima, u tagħtihom lil-Leviti, li jieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet li għandhom x’jaqsmu mat-tabernaklu taʼ Ġeħova.”
31 Għalhekk, Mosè u Elegħażar il-qassis għamlu bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè. 32 Il-bqija ta’ dak li nsteraq mis-suldati kien 675,000 nagħġa, 33 72,000 baqra, 34 u 61,000 ħmar. 35 In-nisa li ma kellhomx relazzjonijiet sesswali kienu 32,000. 36 Is-sehem taʼ dawk li ħarġu għall-battalja kien 337,500 mill-merħla tan-nagħaġ. 37 It-taxxa għal Ġeħova mill-merħla tan-nagħaġ kienet 675. 38 U mill-merħla tal-baqar kien hemm 36,000, u t-taxxa fuqhom għal Ġeħova kienet 72. 39 U l-ħmir kienu 30,500, u t-taxxa fuqhom għal Ġeħova kienet 61. 40 U kien hemm 16,000 bniedem, u t-taxxa fuqhom għal Ġeħova kienet 32 ruħ. 41 Imbagħad Mosè ta t-taxxa bħala l-kontribuzzjoni taʼ Ġeħova lil Elegħażar il-qassis, bħalma Ġeħova kien ikkmandah.
42 Is-sehem tal-Iżraelin, li Mosè kien qasam minn mas-sehem tal-irġiel li ggwerraw, 43 kien 337,500 mill-merħla tan-nagħaġ, 44 36,000 mill-merħla tal-baqar, 45 30,500 mill-ħmir, 46 u 16,000 min-nies. 47 Imbagħad mis-sehem tal-Iżraelin, Mosè ħa wieħed minn 50 mill-bnedmin u mill-annimali, u tahom lil-Leviti, li jieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet li għandhom x’jaqsmu mat-tabernaklu taʼ Ġeħova, bħalma Ġeħova kien ikkmandah.
48 Imbagħad l-irġiel inkarigati li kienu fuq l-eluf tal-armata, il-kapijiet tal-eluf u l-kapijiet tal-mijiet, marru għand Mosè, 49 u qalulu: “Il-qaddejja tiegħek għoddew il-gwerriera li jinsabu taħt il-kmand tagħna, u lanqas wieħed ma ġie rapportat li hu nieqes minna. 50 Hu għalhekk li kull wieħed minna ħa jippreżenta dak li sab bħala offerta lil Ġeħova, oġġetti tad-deheb, ċpiepet li jintlibsu mal-għaksa, ċpiepet, ċrieket tas-siġill, imsielet, u ġojjelli oħra, sabiex nagħmlu tpattija għalina* quddiem Ġeħova.”
51 Għalhekk, Mosè u Elegħażar il-qassis aċċettaw id-deheb mingħandhom, jiġifieri l-ġojjelli kollha. 52 Id-deheb kollu tal-kontribuzzjoni li l-kapijiet tal-eluf u l-kapijiet tal-mijiet taw lil Ġeħova kien 16,750 xekel.* 53 Kull raġel mill-armata ħa minn dak li nsteraq. 54 U Mosè u Elegħażar il-qassis aċċettaw id-deheb mingħand il-kapijiet tal-eluf u tal-mijiet u ħaduh fit-tinda tal-laqgħa bħala tifkira għall-Iżraelin quddiem Ġeħova.