Isaija
42 Dan hu l-qaddej tiegħi, li jien ngħin!
Dak li għażilt u li jien ferħan ħafna bih!*
Jien tajtu l-ispirtu tiegħi.
Hu se juri lill-popli x’inhi ġustizzja.
2 Hu mhux se jgħajjat u lanqas jgħolli leħnu.
Mhux se jsemmaʼ leħnu fit-triq.
3 Qasba mkissra ma jaqsamhiex,
U lampa tnemnem ma jitfihiex.
Hu se jkun leali u se jġib il-ġustizzja.
4 Hu mhux se jegħja u lanqas mhu se jaqtaʼ qalbu.
Hu se jagħmel il-ġustizzja fuq l-art;
U n-nies tal-gżejjer se jibqgħu jistennew il-liġi* tiegħu.
5 L-Alla l-veru Ġeħova,
Dak li Ħalaq is-sema u l-Alla l-Grandjuż li firixha,
Il-Wieħed li għamel l-art u dak li tipproduċi,
Il-Wieħed li jagħti n-nifs lin-nies fiha,
U l-ħajja* lil dawk li jimxu fuqha, jgħid:
6 “Jien, Ġeħova, għajjattlek biex tagħmel il-ġustizzja;
Żammejtlek idek.
Se nipproteġik u se tkun bħal patt bejni u n-nies,
U bħal dawl għall-popli,
7 Biex tiftaħ għajnejn dawk li ma jarawx,
U biex toħroġ lill-ħabsi mill-ħabs taħt l-art
U lil dawk li huma bilqiegħda fid-dlam mill-ħabs.
8 Jien Ġeħova. Dan hu ismi.
Il-glorja tiegħi mhu se nagħtiha lil ħadd,*
Lanqas it-tifħir tiegħi lill-istatwi minquxin.
9 L-affarijiet li għedtilkom dwarhom żmien ilu ġraw;
Issa qed ngħidilkom affarijiet ġodda,
U se nagħmel dan qabel ma jibdew jidhru.”
10 Kantaw għanja ġdida lil Ġeħova,
Faħħruh sat-trufijiet tal-art,
Intom li tkunu fuq il-baħar u kulma fih,
Intom il-gżejjer u n-nies li joqogħdu fihom.
11 Ħa jgħollu leħinhom id-deżert u l-bliet taʼ ġo fih,
L-irħula fejn jgħix Kedar.
Ħa jgħajtu bil-ferħ in-nies li jgħixu fil-blat.
Ħa jgħajtu minn fuq il-qċaċet tal-muntanji.
12 Ħa jagħtu glorja lil Ġeħova,
U jfaħħruh fil-gżejjer.
13 Ġeħova se joħroġ biex jiġġieled bħal raġel b’saħħtu.
Hu se jkun bħal gwerrier ħerqan biex imur għall-battalja.
Hu se jgħajjat, iva, se jgħajjat għajta taʼ gwerra;
Hu se juri li hu iktar b’saħħtu mill-għedewwa tiegħu.
14 Alla jgħid: “Ilni ħafna nżomm kwiet.
Bqajt m’għedt xejn u żammejt lura.
Bħal mara li qed twelled,
Jien se nokrob, nonfoħ, u nieħu nifsijiet fil-fond.
15 Se nkisser il-muntanji u l-għoljiet,
U nnixxef il-ħaxix kollu tagħhom.
Ix-xmajjar se nbiddilhom f’art niexfa*
U l-għadajjar bil-qasab innixxifhom.
16 Se mmexxi lil dawk li ma jarawx fi triq li ma jafux
U nġegħelhom jgħaddu minn toroq li mhumiex familjari magħhom.
Se nbiddel quddiemhom id-dlam f’dawl,
U l-art imħarbta f’art lixxa.
Dawn l-affarijiet se nagħmel għalihom, u mhux se nabbandunahom.”
17 Dawk li jafdaw fl-istatwi minquxin,
Dawk li jgħidu lill-istatwi tal-metall:* “Intom l-allat tagħna,”
Se jkollhom imorru lura jistħu ħafna.
18 Isimgħu, intom li ma tisimgħux;
Ħarsu u agħtu kas, intom li ma tarawx.
19 Hemm xi ħadd li ma jarax ħlief il-qaddej tiegħi?
Min ma jismax bħall-messaġġier li nibgħat?
Hemm xi ħadd li ma jarax bħal dak li ġie ppremjat?
Min ma jarax bħall-qaddej taʼ Ġeħova?
20 Int tara ħafna affarijiet, imma ma tagħtix kas.
Int tismaʼ, imma ma tobdix.
22 Imma dan hu poplu li serquh u ħadulu kollox;
Kollha huma maqbudin fl-għerien u moħbijin fil-ħabsijiet.
Huma ġew misruqin, imma m’hemm ħadd biex isalvahom,
Ħadulhom kollox u m’hemm ħadd biex jgħid: “Ġibuhom lura!”
23 Min fostkom se jismaʼ dan?
Min se jagħti kas u jobdi biex jibbenefika fiż-żmien li ġej?
24 Min ta lil Ġakobb biex jiħdulu kollox
U lil Iżrael biex jisirquh?
Mhux Ġeħova, il-Wieħed li dnibna kontrih?
Huma jirrifjutaw li jgħixu bil-mod kif irid hu,
U ma jobdux il-liġi* tiegħu.
25 Hu kien irrabjat ħafna magħhom
U kkastigahom bi gwerra.
Din ħarqet kulma kien hemm madwarhom, imma ma tawx kas.
Il-fjammi tagħha telgħu kontrihom, imma ma ħabblux rashom.