L-Ewwel Ktieb tas-Slaten
17 Issa Elija* t-Tisbi, li kien joqgħod Gilegħad, qal lil Aħab: “Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj t’Iżrael li jien naqdi,* illi matul dawn is-snin la jkun hawn nida u lanqas xita ħlief meta ngħid jien!”
2 Ġeħova qal lil Elija: 3 “Itlaq minn hawn, mur lejn il-Lvant, u nħeba fil-Wied taʼ Kerit, fil-Lvant tal-Ġordan. 4 Ixrob mill-wied, u jien se nikkmanda ċ-ċawluni jipprovdulek l-ikel hemmhekk.” 5 Hu telaq mill-ewwel u għamel skont dak li qallu Ġeħova. Hu mar u qagħad ħdejn il-Wied taʼ Kerit, fil-Lvant tal-Ġordan. 6 U ċ-ċawluni kienu jġibulu l-ħobż u l-laħam kull filgħodu u kull filgħaxija, u kien jixrob mill-wied. 7 Imma wara ftit jiem, il-wied nixef għax m’għamlitx xita.
8 Imbagħad Ġeħova qallu: 9 “Mur Sarefat, li hi taʼ Sidon, u oqgħod hemm. Jien se nikkmanda lil waħda armla biex tipprovdilek l-ikel.” 10 Għalhekk mar Sarefat. Meta wasal fid-daħla tal-belt, kien hemm armla tiġbor il-ħatab. Hu għajtilha u qalilha: “Jekk jogħġbok, ġibli ftit ilma biex nixrob.” 11 Hi u sejra għall-ilma, hu reġaʼ għajtilha u qalilha: “Jekk jogħġbok, ġibli wkoll biċċa ħobż.” 12 Għal dan qaltlu: “Naħlef bl-Alla tiegħek Ġeħova, l-Alla l-ħaj, li m’għandix ħobż. Kulma għandi hu ponn dqiq fil-ġarra l-kbira u ftit żejt fil-ġarra ż-żgħira. Issa se niġbor ftit ħatab, u mbagħad nidħol u nagħmel xi ħaġa għalija u għal ibni. Din tkun l-aħħar ikla tagħna qabel ma mmutu.”
13 Imbagħad Elija qalilha: “Tibżax. Idħol u agħmel kif għedt. Imma l-ewwel agħmilli ħobża żgħira forma taʼ ftira minn dak li hemm, u ġibhieli. Imbagħad tistaʼ tagħmel xi ħaġa għalik u għal ibnek. 14 Għax hekk jgħid Ġeħova l-Alla t’Iżrael, ‘Il-ġarra l-kbira tad-dqiq ma tinħeliex, u l-ġarra ż-żgħira taż-żejt ma tispiċċax sal-jum li fih Ġeħova jibgħat ix-xita.’” 15 Għalhekk, marret u għamlet kif qalilha. U hi, Elija, u taʼ darha kellhom x’jieklu għal ħafna jiem. 16 Il-ġarra l-kbira tad-dqiq ma nħlietx, u l-ġarra ż-żgħira taż-żejt ma spiċċatx, bħalma Ġeħova qal permezz t’Elija.
17 Wara dawn l-affarijiet, it-tifel tal-mara marad, u l-marda tiegħu tant iggravat li ma baqax jieħu nifs. 18 Għal dan hi qalet lil Elija: “X’għamiltlek ħażin* qaddej tal-Alla l-veru? Jaqaw ġejt għandi biex tfakkarni fl-iżball tiegħi u toqtol lil ibni?” 19 Imma hu qalilha: “Agħtini lil ibnek.” Imbagħad ħadu minn idejha, tellgħu fil-kamra taʼ fuq fejn kien qed joqgħod, u qiegħdu fuq is-sodda tiegħu stess. 20 Hu għajjat lil Ġeħova u staqsa: “Ġeħova Alla tiegħi, se ġġib ukoll it-tbatija fuq l-armla li qed ngħix magħha billi tħalli lil binha jmut?” 21 Imbagħad imtedd fuq it-tifel tliet darbiet u għajjat lil Ġeħova u qal: “Jekk jogħġbok Ġeħova Alla tiegħi, ħalli l-ħajja* tat-tifel terġaʼ lura fih.” 22 Ġeħova semaʼ t-talba t’Elija, u t-tifel reġaʼ beda jgħix. 23 Elija niżżel it-tifel mill-kamra taʼ fuq, daħħlu d-dar, u tah lil ommu. Hu qalilha: “Ara, ibnek ħaj.” 24 Għal dan il-mara qalet lil Elija: “Issa naf li int verament qaddej t’Alla u li l-kelma taʼ Ġeħova li għedt hi vera.”