Eżekjel
38 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, ħares lejn Gog tal-art taʼ Magog, il-kap* il-kbir taʼ Mesek u Tubal, u pprofetizza kontrih. 3 Għid, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:* “Gog, il-kap* il-kbir taʼ Mesek u Tubal, jien kontrik. 4 Jien se ndawrek, inpoġġi l-ganċijiet fil-ħanek tiegħek, u noħorġok mal-armata kollha tiegħek biż-żwiemel u r-rikkieba tagħhom li lkoll lebsin ħwejjeġ mill-aqwa u huma armata kbira ħafna b’tarki kbar u żgħar.* Dawn kollha jużaw ix-xabla; 5 Magħhom hemm: l-armati tal-Persja, l-Etjopja, u Put, u kollha kemm huma għandhom tarka żgħira u elmu; 6 Gomer u s-suldati kollha tiegħu, u dawk li jiġu mill-familja taʼ Togarma, mill-iktar partijiet ʼil bogħod tat-Tramuntana, flimkien mas-suldati kollha tiegħu. Se jkun hemm ħafna nies miegħek.
7 “‘“Kun lest, ipprepara għall-battalja, int u l-armati kollha li ngħaqdu miegħek, u int se tkun il-kmandant* tagħhom.
8 “‘“Wara ħafna jiem, jien se nagħtik l-attenzjoni.* Fl-aħħar parti tas-snin, int se tinvadi l-art tal-poplu li nġieb lura wara li x-xabla għamlet ħafna ħsara. Dawn huma dawk li ġew lura u nġabru flimkien minn ħafna popli fuq il-muntanji t’Iżrael, li kienu ilhom abbandunati. In-nies taʼ dan il-pajjiż inġiebu lura mill-popli u lkoll kemm huma qed jgħixu fis-sigurtà. 9 Int, is-suldati kollha tiegħek, u l-ħafna popli miegħek, se tiġu kontrihom bħal maltempata u se tiksu l-pajjiż bħas-sħab.”’
10 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Dakinhar, se jiġu ħsibijiet f’moħħok* u se tagħmel pjan mill-agħar. 11 Int se tgħid: “Jien se ninvadi l-pajjiż li għandu l-irħula li mhumiex protetti.* Se niġi kontra dawk li qed jgħixu fis-sigurtà u mingħajr tfixkil, jiġifieri dawk kollha li qed jgħixu fi rħula li mhumiex protetti bi swar, staneg, jew bibien.” 12 Dan se tagħmlu biex tisraq u tieħu ħafna affarijiet, u biex tattakka l-postijiet imħarbta li issa hemm in-nies joqogħdu fihom u n-nies li nġabru flimkien mill-popli, jiġifieri dawk li qed jakkwistaw il-ġid u l-propjetà u li qed jgħixu f’nofs id-dinja.
13 “‘Xeba, Dedan, il-merkanti taʼ Tarsis, u l-gwerriera* kollha tiegħu se jgħidulek: “Qed tinvadi l-pajjiż biex tieħu u tisraq ħafna affarijiet? Jaqaw ġbart l-armati tiegħek biex iġorru l-fidda u d-deheb, jieħdu l-ġid u l-propjetà, u jaħtfu ħafna affarijiet?”’
14 “Għalhekk, bin il-bniedem, ipprofetizza u għid lil Gog, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Fil-jum meta l-poplu t’Iżrael jgħix fis-sigurtà, int żgur li se tinduna b’dan. 15 Int se tiġi mill-pajjiż tiegħek, mill-iktar partijiet ʼil bogħod tat-Tramuntana, maʼ ħafna popli. Dawn se jkunu lkoll rekbin fuq iż-żwiemel u se tkunu ġemgħa kbira u armata enormi. 16 Bħalma s-sħab jgħatti l-pajjiż, int hekk se tiġi kontra l-poplu tiegħi Iżrael. Gog, fl-aħħar parti tal-jiem, jien se nġibek kontra l-pajjiż tiegħi ħalli l-popli jkunu jafuni meta jien inqaddes lili nnifsi permezz tiegħek quddiem għajnejhom.”’
17 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Int mhux l-istess wieħed li tkellimt dwarek fil-passat permezz tal-qaddejja tiegħi l-profeti t’Iżrael? Huma pprofetizzaw għal ħafna snin li int kont se tinġieb kontrihom.’
18 “‘Dakinhar, fil-jum meta Gog jinvadi l-pajjiż t’Iżrael, jien se nirrabja ħafna,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. 19 Jien se nitkellem biż-żelu tiegħi u bir-rabja tiegħi li taħraq bħan-nar, u dakinhar se jkun hemm terremot kbir fl-art t’Iżrael. 20 Minħabba fija, il-ħut, l-għasafar, l-annimali slavaġ, ir-rettili li jitkaxkru, u l-bnedmin kollha fuq wiċċ l-art se jirtogħdu, u l-muntanji se jiġu mwaddbin ’l isfel, l-irdum se jaqaʼ, u kull sur se jiġġarraf u jaqaʼ mal-art.’
21 “‘Se nibgħat xabla kontra Gog fuq il-muntanji kollha tiegħi,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. ‘Kull suldat se jiġġieled kontra sieħbu stess. 22 Se nġib ġudizzju fuqu* bil-mard u t-tixrid tad-demm; u se nniżżel xita bi qliel, silġ, nar, u kubrit* fuqu, fuq is-suldati tiegħu, u l-ħafna nies li hemm miegħu. 23 Jien żgur li se nuri l-kobor tiegħi, inqaddes lili nnifsi, u nuri min jien quddiem għajnejn ħafna popli; u huma se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.’