It-Tieni Kronaki
7 Malli Salamun spiċċa jitlob, niżel nar mis-sema u ħaraq l-offerta tal-ħruq u s-sagrifiċċji, u l-glorja taʼ Ġeħova mliet id-dar. 2 Il-qassisin ma setgħux jidħlu fid-dar taʼ Ġeħova għaliex il-glorja taʼ Ġeħova kienet imliet id-dar taʼ Ġeħova. 3 U l-Iżraelin kienu hemm meta niżel in-nar u l-glorja taʼ Ġeħova kienet fuq id-dar. Huma mielu u nxteħtu b’wiċċhom sal-art u rringrazzjaw lil Ġeħova, “għax hu tajjeb; l-imħabba u l-lealtà* tiegħu jibqgħu għal dejjem.”
4 Ir-re u l-poplu kollu offrew sagrifiċċji quddiem Ġeħova. 5 Ir-Re Salamun offra 22,000 baqra u 120,000 nagħġa bħala sagrifiċċju. B’hekk, ir-re u l-poplu kollu inawguraw id-dar tal-Alla l-veru. 6 Il-qassisin kienu bilwieqfa fil-post fejn jagħtu s-servizz tagħhom. Il-Leviti wkoll kienu bilwieqfa bl-istrumenti li jakkumpanjaw il-kant lil Ġeħova. (Ir-Re David kien għamel dawn l-istrumenti biex jirringrazzja u jfaħħar lil Ġeħova permezz tagħhom,* “għax l-imħabba u l-lealtà tiegħu jibqgħu għal dejjem.”) U l-qassisin kienu qed idoqqu t-trumbetti b’entużjażmu quddiemhom, waqt li l-Iżraelin kollha kienu bilwieqfa.
7 Imbagħad Salamun qaddes il-parti tan-nofs tal-bitħa li kienet quddiem id-dar taʼ Ġeħova, għax hemm kellu joffri l-offerti tal-ħruq u l-biċċiet tax-xaħam tas-sagrifiċċji tal-paċi. Dan sar għax l-artal tar-ram li kien għamel ma setax jesaʼ s-sagrifiċċji tal-ħruq, l-offerti taċ-ċereali,* u l-biċċiet tax-xaħam. 8 F’dak iż-żmien, Salamun għamel festa għal sebat ijiem mal-Iżraelin kollha, jiġifieri mal-kongregazzjoni kbira mill-pajjiż kollu, minn Lebo-ħamat* sal-Wied tal-Eġittu. 9 Imma fit-tmien jum* għamlu assemblea speċjali, għaliex kienu inawguraw l-artal għal sebat ijiem u għamlu l-festa għal sebat ijiem. 10 Imbagħad, fit-23 tas-sebaʼ xahar bagħat lin-nies lejn djarhom. Huma kienu kuntenti u kellhom qalbhom mimlija ferħ minħabba l-qalb tajba li Ġeħova wera maʼ David, Salamun, u l-poplu tiegħu Iżrael.
11 B’hekk, Salamun lesta d-dar taʼ Ġeħova u l-palazz tiegħu. Hu rnexxielu jlesti kull ħaġa li xtaq jibni għad-dar taʼ Ġeħova u għall-palazz tiegħu. 12 Imbagħad Ġeħova deher lil Salamun matul il-lejl u qallu: “Smajt it-talba tiegħek, u għażilt dan il-post għalija bħala dar għas-sagrifiċċji. 13 Jekk jien nagħlaq is-sema u ma tagħmilx xita, jew nikkmanda lill-ġurati biex jieklu l-ħaxix tal-art, jew nibgħat il-pesta fost il-poplu tiegħi, 14 u l-poplu tiegħi li jissejjaħ b’ismi jumilja ruħu, jitlob, ifittixni, u jdur lura mit-triqat ħżiena tiegħu, jien nismaʼ mis-sema, naħfirlu d-dnub tiegħu, u nirranġa l-ħsara li saret f’artu. 15 Issa jien se nismaʼ t-talb li jsir f’din id-dar. 16 U issa għażilt u qaddist din id-dar sabiex ismi jitqiegħed fiha b’mod permanenti, u se nżomm għajnejja fuqha u nipproteġiha għal dejjem.
17 “U jekk int timxi quddiemi bħalma mexa missierek David billi tagħmel kulma kkmandajtek, u tobdi r-regoli u d-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi, 18 jien insaħħaħ it-tron taʼ saltnatek, bħalma wegħedt lil missierek David, meta għedt, ‘Dejjem ikun hemm xi ħadd li jiġi minnek li jmexxi f’Iżrael.’ 19 Imma jekk intom ma tibqgħux timxu warajja u titilqu l-liġijiet u l-kmandamenti li tajtkom, u tmorru taqdu allat oħrajn u tmilu quddiemhom, 20 jien naqlaʼ mill-għeruq lil Iżrael mill-art li tajtu, u din id-dar li qaddist għal ismi nneħħiha minn quddiem għajnejja, u nagħmilha oġġett taʼ tmaqdir* u twaqqigħ għaċ-ċajt fost il-popli kollha. 21 U din id-dar issir ħerba sħiħa. Kull min jgħaddi minn ħdejha jibqaʼ ċċassat u jgħid, ‘Ġeħova għala għamlilhom hekk lil din l-art u din id-dar?’ 22 Imbagħad jgħidu, ‘Kien għaliex telqu lil Ġeħova l-Alla taʼ missirijiethom, li kien ħariġhom mill-art tal-Eġittu, u qabdu m’allat oħrajn u mielu quddiemhom u qdewhom. Hu għalhekk li ġab fuqhom dan il-gwaj kollu.’”