Esdra
3 Meta wasal is-sebaʼ xahar u l-Iżraelin* kienu fil-bliet tagħhom, huma nġabru flimkien b’fehma waħda f’Ġerusalemm. 2 Ġeswa bin Ġeħosadak, sħabu l-qassisin, Żerubbabel bin Saltijel, u ħutu bdew jaħdmu u bnew l-artal tal-Alla t’Iżrael. Huma għamlu dan biex ikunu jistgħu joffru fuqu sagrifiċċji tal-ħruq skont kif hemm miktub fil-Liġi taʼ Mosè, il-qaddej tal-Alla l-veru.
3 Għalkemm bdew jibżgħu min-nies tal-pajjiżi taʼ madwarhom, huma għamlu l-artal fil-post fejn kien qabel u bdew joffru fuqu sagrifiċċji tal-ħruq għal Ġeħova kull filgħodu u filgħaxija. 4 Imbagħad iċċelebraw il-Festa tal-Għerejjex* skont kif hemm miktub, u jum wara l-ieħor offrew is-sagrifiċċji tal-ħruq skont ir-regola taʼ x’kellu jsir kull ġurnata. 5 Wara offrew l-offerta tal-ħruq regolari, l-offerti għal kull qamar ġdid, u l-offerti għall-istaġuni tal-festi mqaddsin kollha taʼ Ġeħova. Offrew ukoll is-sagrifiċċji li kulħadd ta b’mod volontarju lil Ġeħova. 6 Mill-ewwel jum tas-sebaʼ xahar bdew joffru sagrifiċċji tal-ħruq għal Ġeħova, għalkemm il-pedament tat-tempju taʼ Ġeħova kien għadu lanqas tqiegħed.
7 Huma taw il-flus lil dawk li jaqtgħu l-ġebel u lin-nies tas-sengħa. Taw ukoll ikel, xorb, u żejt lis-Sidonin u lit-Tirin biex iġibu l-injam taċ-ċedru bil-baħar mil-Libanu sa Ġaffa, skont il-permess li kien tahom ir-Re Ċiru tal-Persja.
8 Fit-tieni xahar tat-tieni sena wara li marru lejn id-dar tal-Alla l-veru f’Ġerusalemm, ix-xogħol inbeda minn Żerubbabel bin Saltijel, Ġeswa bin Ġeħosadak u l-bqija taʼ ħuthom, il-qassisin u l-Leviti, u dawk kollha li kienu ħarġu mill-jasar u marru Ġerusalemm. Huma inkarigaw lil-Leviti minn 20 sena ’l fuq bħala mgħallmin fuq ix-xogħol tad-dar taʼ Ġeħova. 9 Għalhekk Ġeswa, it-tfal tiegħu u ħutu, Kadmijel u t-tfal tiegħu, li kienu jiġu kollha minn Ġuda,* flimkien mat-tfal taʼ Ħenadad, it-tfal tagħhom u ħuthom, li kienu wkoll Leviti, ħadu ħsieb ix-xogħol fid-dar tal-Alla l-veru.
10 Meta l-bennejja qiegħdu l-pedament tat-tempju taʼ Ġeħova, il-qassisin lebsin ħwejjeġ uffiċjali resqu bit-trumbetti, u l-Leviti, it-tfal t’Asaf, resqu biċ-ċimbali biex ifaħħru lil Ġeħova kif kien ikkmanda r-Re David t’Iżrael. 11 Il-korijiet bdew iwieġbu lil xulxin, ifaħħru, u jirringrazzjaw lil Ġeħova bil-kant. Huma kantaw “għax hu tajjeb; l-imħabba u l-lealtà* tiegħu lejn Iżrael jibqgħu għal dejjem.” Imbagħad in-nies kollha faħħru lil Ġeħova b’għajjat kbir għaliex kien tqiegħed il-pedament tad-dar taʼ Ġeħova. 12 Ħafna mill-qassisin, il-Leviti, u l-kapijiet tal-familji min-naħa tal-missier, li kellhom iż-żmien u li kienu raw id-dar taʼ qabel, bkew b’leħen għoli meta raw il-pedament taʼ din id-dar jitqiegħed, waqt li ħafna oħrajn għajtu kemm felħu bil-ferħ. 13 B’hekk, in-nies ma setgħux jagħrfu d-differenza bejn l-għajjat taʼ ferħ u l-biki, għax in-nies tant għajtu li kienu jinstemgħu mill-bogħod ħafna.