Ġenesi
25 Imbagħad Abraham ħa mara oħra li kien jisimha Ketura. 2 U din wellditlu lil Żimran, Ġoksan, Medan, Midjan, Isbak, u Suwaħ.
3 Ġoksan kellu lil Xeba u lil Dedan.
It-tfal taʼ Dedan kienu l-Assurin, il-Letusin, u l-Lewmin.
4 It-tfal taʼ Midjan kienu Għefa, Għefer, Ħanok, Abida, u Eldgħa.
Dawn kollha kienu t-tfal u n-neputijiet taʼ Ketura.
5 Maż-żmien, Abraham ta kulma kellu lil Iżakk, 6 imma lit-tfal li kellu mill-konkubini tiegħu tahom rigali. Imbagħad, waqt li kien għadu ħaj, bagħathom lejn il-Lvant, ’il bogħod minn ibnu Iżakk. 7 Abraham għex 175 sena. 8 Imbagħad Abraham ħa l-aħħar nifs u miet meta kien xjaħ sew, xiħ u sodisfatt, u nġabar maʼ niesu.* 9 It-tfal tiegħu Iżakk u Ismagħel difnuh fl-għar taʼ Makfela, fl-għalqa t’Għefron bin Soħar il-Ħitti li qiegħda quddiem Mamre, 10 l-għalqa li Abraham kien xtara mingħand it-tfal taʼ Ħet. Hu ndifen ħdejn martu Sara. 11 Wara li miet Abraham, Alla kompla jbierek lil ibnu Iżakk li kien qed jgħix qrib Bir-laħaj-roj.
12 Din hi l-istorja taʼ Ismagħel, bin Abraham minn Ħagar l-Eġizzjana, il-qaddejja taʼ Sara.
13 Dawn huma l-ismijiet tat-tfal taʼ Ismagħel skont l-oriġini tal-familja tagħhom: Nebajot, l-ewwel imwieled taʼ Ismagħel, imbagħad Kedar, Adbel, Mibsam, 14 Misma, Duma, Massa, 15 Ħadad, Tema, Ġetur, Nafis, u Kedema. 16 Dawn huma t-tfal taʼ Ismagħel, u dawn huma ismijiethom skont fejn kienu jgħixu u fejn kellhom il-kampijiet tagħhom:* 12-il kap skont it-tribujiet tagħhom. 17 U Ismagħel għex 137 sena. Imbagħad ħa l-aħħar nifs u miet u nġabar maʼ niesu.* 18 U huma* għexu fit-tined minn Ħawila qrib Sur, li hi viċin l-Eġittu, sal-Assirja. Hu għex qrib ħutu kollha.*
19 U din hi l-istorja taʼ Iżakk bin Abraham.
Abraham kellu lil Iżakk. 20 Iżakk kellu 40 sena meta żżewweġ lil Rebekka bint Betwel l-Arami mill-Fiddien-aram, oħt Laban l-Arami. 21 U Iżakk baqaʼ jitlob mill-qalb lil Ġeħova dwar martu, għax ma setax ikollha tfal. Għalhekk, Ġeħova wieġeb it-talb mill-qalb tiegħu, u martu Rebekka ħarġet tqila. 22 Hi ħasset li t-tfal tagħha bdew jagħtu bejniethom f’żaqqha, u b’hekk qalet: “Jekk inhu hekk, għala għandi nibqaʼ ngħix?” Allura hi talbet lil Ġeħova biex tkun taf għala qed jiġri dan. 23 U Ġeħova qalilha: “Żewġt iġnus hemm f’żaqqek, u żewġ popli se jinfirdu minn ġo fik. Poplu minnhom se jkun iktar b’saħħtu mill-ieħor, u l-kbir jaqdi liż-żgħir.”
24 Meta wasal iż-żmien biex twelled kellha tewmin. 25 L-ewwel wieħed li ħareġ kien ħamrani u ġismu kollu kien bħal libsa tas-suf, allura semmewh Għesaw.* 26 Wara ħareġ ħuh li kellu idu mqabbda m’għarqub Għesaw, allura hu ssemma Ġakobb.* Iżakk kellu 60 sena meta martu welldithom.
27 Hekk kif is-subien kibru, Għesaw sar jinqalaʼ għall-kaċċa u spiss kien ikun barra jikkaċċja. Imma Ġakobb kien raġel bla ħtija li jqattaʼ ħafna ħin fit-tined. 28 U Iżakk kien iħobb iktar lil Għesaw għax kien iġiblu x’jiekol mill-kaċċa li jaqbad, filwaqt li Rebekka kienet tħobb iktar lil Ġakobb. 29 Darba waħda, Ġakobb kien qed isajjar ftit soppa meta Għesaw ġie mill-għalqa għajjien mejjet. 30 Għalhekk, Għesaw qal lil Ġakobb: “Jekk jogħġbok, fittex agħtini ftit mis-soppa l-ħamra li għandek hemmhekk,* għax jien għajjien mejjet!”* Kien għalhekk li kellu isem ieħor, Edom.* 31 U Ġakobb qallu: “L-ewwel begħli d-dritt tiegħek bħala l-ewwel imwieled!” 32 U Għesaw wieġbu: “Jien ħa mmut bil-ġuħ! X’jiswieli d-dritt bħala l-ewwel imwieled?” 33 U Ġakobb żied: “L-ewwel aħlifli!” U hu ħaliflu u biegħ id-dritt tiegħu bħala l-ewwel imwieled lil Ġakobb. 34 Imbagħad Ġakobb ta lil Għesaw il-ħobż u s-soppa tal-għads, u hu kiel u xorob, u mbagħad qam u telaq. B’hekk, Għesaw ma qisux taʼ valur id-dritt tiegħu bħala l-ewwel imwieled.