Lir-Rumani
9 Jien dixxiplu taʼ Kristu. Il-kuxjenza tiegħi qed tiġi ggwidata mill-ispirtu qaddis u qed ngħid il-verità. M’iniex nigdeb meta ngħidilkom 2 li f’qalbi għandi dwejjaq kbar u wġigħ kontinwu. 3 Jien nixtieq li nistaʼ nieħu l-kastig minflok ħuti l-Lhud li huma separati mill-Kristu, li kieku dan jgħinhom. 4 Huma Iżraelin u ġew magħżulin biex ikunu adottati bħala t-tfal t’Alla. Alla wriehom il-glorja tiegħu, tahom il-Liġi u l-privileġġ li jaqduh, u għamel magħhom pattijiet u wegħdi. 5 Huma jiġu minn missirijietna, li minnhom ġie l-Kristu bħala bniedem. Jalla Alla, li hu fuq kulħadd, jiġi mfaħħar għal dejjem. Ammen.
6 Minkejja dan, il-wegħda* t’Alla twettqet għax mhux in-nies kollha t’Iżrael huma Iżraelin veri. 7 Il-fatt li huma dixxendenti t’Abraham* ma jfissirx li kollha huma t-tfal tiegħu. Alla qal lil Abraham: “Id-dixxendenti tiegħek se jiġu minn Iżakk.” 8 Dan ifisser li mhux it-tfal kollha t’Abraham huma verament it-tfal t’Alla. Dawk li jitwieldu minħabba l-wegħda huma t-tfal* veri t’Abraham. 9 Għax Alla għamel din il-wegħda: “Jien se niġi lura għandek is-sena d-dieħla f’dan iż-żmien, u Sara jkollha iben.” 10 L-istess ġara fil-każ taʼ Rebekka meta ħarġet tqila b’tewmin mill-antenat tagħna Iżakk. 11 Meta kienu għadhom ma twildux u m’għamlu xejn tajjeb jew ħażin, Alla qal minn qabel lil min minnhom kien se jagħżel. Hu jagħżel lil min irid, u dan ma jiddependix fuq dak li tagħmel il-persuna. 12 Għalhekk hu qalilha: “Il-kbir jaqdi liż-żgħir.” 13 Dan jaqbel maʼ dak li tgħid l-Iskrittura: “Jien ħabbejt lil Ġakobb, imma m’aċċettajtx* lil Għesaw.”
14 Allura qed ngħidu li Alla hu inġust? Żgur li le! 15 Għax hu qal lil Mosè: “Jien se nħenn għal min nagħżel u nitħassar lil min nixtieq.” 16 Għalhekk, dan ma jiddependix minn x’tixtieq persuna jew l-isforzi li tagħmel, imma mill-ħniena t’Alla. 17 Għax l-Iskrittura tgħid hekk dwar il-Fargħun: “Jien ħallejtek ħaj biex permezz tiegħek nuri l-qawwa tiegħi u biex ismi jixxandar fl-art kollha.” 18 Għalhekk, Alla juri ħniena maʼ min jixtieq, imma min irid iwebbes rasu jħallih iwebbes rasu.
19 Xi wħud forsi jistaqsuni: “Alla għala jibqaʼ jwaħħal fin-nies, ladarba ħadd ma jistaʼ jbiddel dak li jrid hu?” 20 Imma xi dritt għandkom, sempliċi bnedmin, li tikkritikaw lil Alla? Għandha l-ħaġa magħmula tgħid lil min għamilha: “Għala għamiltni hekk?” 21 Dak li jagħmel il-fuħħar għandu d-dritt li mill-istess ċappa tat-tafal jagħmel ġarra li tintuża għal okkażjonijiet speċjali* u oħra li tintuża għal kuljum.* 22 L-istess għamel Alla. Hu ddeċieda li juri r-rabja u l-qawwa tiegħu waqt li jittollera b’paċenzja kbira lil dawk li jirrabjawh u li huma bħal ġarar li ħaqqhom jinqerdu. 23 Hu għamel dan biex juri l-glorja kbira tiegħu lil dawk li se jħenn għalihom u li huma bħal ġarar li ppreparahom biex jingħataw il-premju. 24 Aħna l-uħud li hu għażel* mil-Lhud u anki minn popli oħra. 25 Qed jiġri bħalma qal minn qabel f’Ħosea: “Lil dawk li mhumiex il-poplu tiegħi se nibda ngħidilhom ‘poplu tiegħi,’ u lil dawk* li ma kinux maħbubin se nibda ngħidilhom ‘maħbubin.ʼ 26 Fil-post fejn intqalilhom, ‘M’intomx il-poplu tiegħi,’ se jissejħu ‘t-tfal tal-Alla l-ħaj.’”
27 Hekk qal Isaija b’leħen għoli dwar Iżrael: “Għalkemm l-Iżraelin huma daqs ir-ramel tal-baħar, ftit* biss se jsalvaw. 28 Għax Ġeħova* se jiġġudika l-art malajr u għalkollox.” 29 Ukoll, bħalma qal minn qabel Isaija: “Li kieku Ġeħova* tal-armati ma ħallilniex xi dixxendenti ħajjin,* konna nsiru bħal Sodoma u Gomorra.”
30 Allura x’nistgħu ngħidu? Li nies taʼ popli oħra wrew fidi u qed jitqiesu ġusti, avolja ma kinux qed jipprovaw ikunu ġusti. 31 Imma l-Iżraelin ma rnexxilhomx jgħixu skont il-Liġi,* avolja pprovaw ikunu ġusti bħalma tgħid. 32 Għala? Għax huma pprovaw jobdu l-Liġi b’dak li jagħmlu u mhux billi juru fidi. Huma tfixklu fil-“ġebla taʼ tfixkil.” 33 Dan hu bħalma tgħid l-Iskrittura: “F’Sijon qed inqiegħed ġebla li tfixkel lin-nies u blata li ġġegħelhom iħossuhom offiżi, imma kull min jafda fiha mhux se jkun iddiżappuntat.”