It-Tieni Kronaki
23 Fis-sebaʼ sena, Ġeħojada kien kuraġġuż u għamel patt mal-kapijiet tal-mijiet, jiġifieri m’Għażarija bin Ġeroħam, maʼ Ismagħel bin Ġeħoħanan, m’Għażarija bin Għobed, maʼ Magħseja bin Għadaja, u m’Elisafat bin Żikri. 2 Imbagħad marru f’Ġuda kollu u ġabru flimkien lil-Leviti mill-bliet kollha taʼ Ġuda u l-kapijiet tal-familji t’Iżrael min-naħa tal-missier. Meta waslu Ġerusalemm, 3 il-kongregazzjoni kollha għamlet patt mar-re fid-dar tal-Alla l-veru, u mbagħad Ġeħojada qalilhom:
“Bin ir-re se jmexxi, bħalma wiegħed Ġeħova dwar it-tfal taʼ David.” 4 Hu kkmandahom: “F’dan is-Sabat, terz mill-qassisin u mil-Leviti għandhom ikunu għassiesa mal-bibien, 5 terz ieħor joqogħdu ħdejn il-palazz tar-re, u t-terz l-ieħor joqogħdu f’Bieb il-Pedament, u n-nies kollha jkunu fil-btieħi tad-dar taʼ Ġeħova. 6 Tħallu lil ħadd jidħol fid-dar taʼ Ġeħova ħlief il-qassisin u l-Leviti li jkunu qed jaqdu. Dawn jistgħu jidħlu, għax huma grupp qaddis, u n-nies kollha se jagħmlu dak li talabhom Ġeħova billi jibqgħu barra. 7 Il-Leviti għandhom joqogħdu madwar ir-re minn kull naħa, kull wieħed bl-armi tiegħu f’idu. Kull min jidħol fid-dar għandu jinqatel. Ibqgħu mar-re kull fejn imur.”*
8 Il-Leviti u Ġuda kollu għamlu eżatt dak li kkmandahom Ġeħojada l-qassis. Għalhekk, kull wieħed ħa lill-irġiel tiegħu li kienu għassa fis-Sabat, flimkien maʼ dawk li ma kinux għassa fis-Sabat, għax il-qassis Ġeħojada ried li t-taqsimiet kollha jkunu xogħol. 9 Imbagħad il-qassis Ġeħojada ta lill-kapijiet tal-mijiet il-lanez, it-tarki ż-żgħar,* u t-tarki tondi li kienu tar-Re David u li kienu fid-dar tal-Alla l-veru. 10 Wara qiegħed lin-nies kollha posthom, kull wieħed bl-armi tiegħu f’idu, min-naħa tal-lemin tad-dar san-naħa tax-xellug tad-dar, ħdejn l-artal u ħdejn id-dar, imdawrin mar-re. 11 Imbagħad ħarġu lil bin ir-re u qiegħdu fuqu l-kuruna* u t-Testimonjanza,* u għamluh re. U Ġeħojada u t-tfal tiegħu dilkuh* u qalu: “Ħa jkun imbierek ir-re!”
12 Meta Għatalija semgħet in-nies jiġru u jfaħħru lir-re, mill-ewwel marret ħdejn in-nies fid-dar taʼ Ġeħova. 13 Imbagħad rat lir-re ħdejn il-kolonna tiegħu fid-daħla. Il-kapijiet u dawk li jdoqqu t-trumbetti kienu ħdejn ir-re, in-nies kollha tal-pajjiż kienu qed jifirħu u jdoqqu t-trumbetti, u l-kantanti bi strumenti mużikali kienu qed imexxu ċ-ċelebrazzjoni. Għal dan Għatalija ċarrtet ħwejjiġha u għajtet: “Konfoffa! Konfoffa!” 14 Imma l-qassis Ġeħojada kkmanda lill-kapijiet tal-mijiet, dawk taʼ fuq l-armata: “Oħorġuha minn bejn is-suldati, u jekk xi ħadd imur warajha, oqtluh bix-xabla!” Għax il-qassis kien qalilhom: “Toqtluhiex fid-dar taʼ Ġeħova.” 15 Għalhekk, qabduha u qatluha malli waslu ħdejn id-daħla taʼ Bieb iż-Żwiemel tal-palazz tar-re.
16 Imbagħad Ġeħojada, il-poplu, u r-re għamlu patt bejniethom li se jibqgħu l-poplu taʼ Ġeħova. 17 Wara dan, in-nies kollha tal-pajjiż daħlu fit-tempju taʼ Bagħal u waqqgħuh, kissru l-artali u l-istatwi tiegħu, u qatlu lil Mattan il-qassis taʼ Bagħal quddiem l-artali. 18 Imbagħad Ġeħojada ħalla f’idejn il-qassisin u l-Leviti biex jieħdu ħsieb id-dar taʼ Ġeħova. Lil dawn David kien qassamhom f’taqsimiet fuq id-dar taʼ Ġeħova biex joffru s-sagrifiċċji tal-ħruq lil Ġeħova skont dak li hemm miktub fil-Liġi taʼ Mosè. Huma kellhom jagħmlu dan waqt li jifirħu u jkantaw bħalma kkmandahom David. 19 Ukoll, hu qiegħed l-għassiesa tal-bibien ħdejn il-bibien tad-dar taʼ Ġeħova sabiex ma jidħol ħadd li ma jkunx nadif b’xi mod. 20 Wara ħa lill-kapijiet tal-mijiet, in-nies importanti, il-mexxejja tan-nies, u n-nies kollha tal-pajjiż sabiex jinżlu mar-re mid-dar taʼ Ġeħova. Imbagħad għaddew mill-bieb taʼ fuq għall-palazz tar-re u qiegħdu lir-re fuq it-tron tas-saltna. 21 Għalhekk, in-nies kollha tal-pajjiż ferħu u kien hemm il-paċi fil-belt, għax lil Għatalija kienu qatluha bix-xabla.