Ester
6 Dak il-lejl ir-re ma setax jorqod.* Għalhekk, qalilhom biex iġibulu l-ktieb tal-istorja taʼ dawk iż-żminijiet. Imbagħad il-ktieb inqara lir-re. 2 Fih kien hemm miktub li Mordekaj kien kixef il-pjan li għamlu Bigtan u Teres, żewġ uffiċjali tal-palazz li kienu għassiesa tal-bibien, biex joqtlu* lir-Re Aħasweru. 3 Ir-re staqsa: “Mordekaj b’liema mod ġie onorat u ppremjat għal dan?” Il-qaddejja personali tiegħu wiġbuh: “Xejn ma ngħatalu.”
4 Iktar tard ir-re qal: “Min hemm fil-bitħa?” Issa Ħaman kien fil-bitħa taʼ barra tal-palazz tar-re biex jgħidlu jdendel lil Mordekaj maz-zokk li pprepara għalih. 5 Il-qaddejja tiegħu qalulu: “Ħaman hemm fil-bitħa.” Għalhekk ir-re qalilhom: “Għidulu jidħol.”
6 Meta Ħaman daħal, ir-re staqsieh: “X’għandu jsir għar-raġel li jien nixtieq nonora?” Ħaman qal bejnu u bejn ruħu: “Ir-re lil min jixtieq jonora iktar minni?” 7 Għalhekk Ħaman wieġbu: “Lir-raġel li tixtieq tonora, 8 ħa jġibulu ħwejjeġ irjali li tilbes int u żiemel li tirkeb fuqu b’rasu mżejna. 9 Imbagħad il-ħwejjeġ u ż-żiemel għandu jieħu ħsiebhom wieħed mill-mexxejja l-iktar irrispettati. U l-qaddejja għandhom ilibbsu lir-raġel li int tixtieq tonora, u jrikkbuh fuq iż-żiemel fil-pjazza tal-belt. Huma għandhom jgħajtu quddiemu: ‘Hekk għandu jiġi ttrattat ir-raġel li r-re jixtieq jonora!’” 10 U r-re minnufih qal lil Ħaman: “Għaġġel, ħu l-ħwejjeġ u ż-żiemel u agħmel dak li għadek kif għedt lil Mordekaj il-Lhudi li qiegħed bilqiegħda f’bieb il-palazz. Tħalli xejn barra minn kulma għedt.”
11 Għalhekk Ħaman ħa l-ħwejjeġ u libbishom lil Mordekaj, rikkbu fuq iż-żiemel, ħadu fil-pjazza tal-belt, u beda jgħajjat quddiemu: “Hekk għandu jiġi ttrattat ir-raġel li r-re jixtieq jonora!” 12 Wara dan, Mordekaj mar lura f’bieb il-palazz tar-re, imma Ħaman ħaffef lejn id-dar tiegħu b’rasu mgħottija minħabba d-dwejjaq u l-mistħija. 13 Meta Ħaman irrakkonta lill-mara tiegħu Żeres u lill-ħbieb kollha li jagħtuh il-pariri kulma kien ġara, dawn qalulu: “Jekk Mordekaj, li diġà għandu pożizzjoni iktar għolja minn tiegħek, hu Lhudi, int m’intix se tegħlbu imma żgur li se tinqered quddiemu.”
14 Waqt li kienu għadhom qed ikellmuh, waslu l-uffiċjali tal-palazz tar-re u ħadu lil Ħaman malajr għall-ikla kbira li kienet għamlet Ester.