Ġenesi
24 Issa Abraham kien imdaħħal fiż-żmien u Ġeħova kien bierku f’kollox. 2 Abraham qal lill-qaddej tiegħu, l-ixjeħ wieħed f’daru u li kien qed jiħodlu ħsieb kulma kellu: “Jekk jogħġbok, qiegħed idek taħt koxxti, 3 u aħlifli b’Ġeħova, l-Alla tas-sema u tal-art, li ma tiħux mara għal ibni mill-bniet tal-Kangħanin, li qed ngħix f’nofshom. 4 Imma mur fil-pajjiż tiegħi u għand qrabati, u sib mara għal ibni Iżakk.”
5 Madankollu, il-qaddej qallu: “U jekk il-mara ma tkunx trid tiġi miegħi f’din l-art? Għandi jien nieħu lil ibnek lura lejn l-art li minnha int ġejt?” 6 U Abraham wieġbu: “Agħmel ċert li ma tiħux lil ibni hemmhekk. 7 Ġeħova, l-Alla tas-sema, li ħariġni minn dar missieri u minn art qrabati u li kellimni u ħalifli: ‘Lid-dixxendenti tiegħek* se nagħtiha din l-art,’ se jibgħat l-anġlu tiegħu qablek, u int żgur li ssib mara għal ibni minn hemmhekk. 8 Imma jekk il-mara ma tkunx trid tiġi miegħek, int tkun ħieles minn din il-ħalfa. Imma tiħux lil ibni hemmhekk.” 9 U l-qaddej qiegħed idu taħt il-koxxa taʼ sidu Abraham u ħaliflu fuq din il-kwistjoni.
10 Għalhekk, il-qaddej ħa għaxar iġmla minn taʼ sidu u telaq. Hu ħa wkoll kull xorta taʼ rigali mingħand sidu. Imbagħad telaq lejn il-Mesopotamja, lejn il-belt taʼ Naħor. 11 U waqaf biex l-iġmla jistrieħu ħdejn bir ’il barra mill-belt. Kien kważi filgħaxija, il-ħin meta n-nisa kienu joħorġu jimlew l-ilma. 12 Imbagħad qal: “Ġeħova, l-Alla taʼ sidi Abraham, jekk jogħġbok, ħalli kollox imur sew illum u uri mħabba u lealtà* maʼ sidi Abraham. 13 Jien qiegħed hawn ħdejn għajn tal-ilma, u l-bniet tan-nies tal-belt ħerġin jimlew l-ilma. 14 Jien se ngħid lil waħda mit-tfajliet, ‘Jekk jogħġbok, niżżel il-ġarra tal-ilma biex nixrob.’ Jekk tgħidli, ‘Ixrob, u jien nagħti wkoll l-ilma lill-iġmla tiegħek,’ jien se nkun naf li din hi l-waħda li int għażilt għall-qaddej tiegħek Iżakk u li int urejt imħabba u lealtà maʼ sidi.”
15 Saħansitra qabel ma spiċċa jitkellem, Rebekka, it-tifla taʼ Betwel, bin Milka, mart Naħor, ħu Abraham, ħarġet bil-ġarra tal-ilma fuq spallitha. 16 It-tfajla kienet sabiħa ħafna u verġni. Ebda raġel ma kellu relazzjoni sesswali magħha. Hi niżlet lejn l-għajn, imliet il-ġarra tal-ilma, u mbagħad reġgħet telgħet. 17 Minnufih, il-qaddej mar jiġri biex jiltaqaʼ magħha u qalilha: “Jekk jogħġbok, agħtini naqra ilma mill-ġarra tiegħek.” 18 Wiġbitu: “Ixrob sidi.” U malajr niżżlet il-ġarra tagħha fuq idha u tatu jixrob. 19 U wara li tatu jixrob, qaltlu: “Ħa nimla l-ilma għall-iġmla tiegħek ukoll biex jixorbu sakemm jixbgħu.” 20 Għalhekk, hi malajr battlet il-ġarra tagħha fil-ħawt tal-ilma u ġriet kemm-il darba lejn il-bir, u baqgħet timla l-ilma għall-iġmla kollha tiegħu. 21 Sadanittant, ir-raġel qagħad iħares lejha għal ħin twil bla ma qal xejn, għax kien sorpriż. Hu beda jitħasseb jekk Ġeħova kienx diġà għenu jirnexxi fil-vjaġġ tiegħu.
22 Meta l-iġmla kienu xorbu, ir-raġel ħareġ misluta tad-deheb għal imneħirha tiżen nofs xekel* u żewġt iċpiepet tad-deheb li kienu jiżnu għaxar xwiekel,* 23 u qalilha: “Jekk jogħġbok għidli, bint min int? Hemm post għalina f’dar missierek biex inqattgħu l-lejl?” 24 Għal dan wiġbitu: “Jien it-tifla taʼ Betwel, li jiġi t-tifel taʼ Milka u Naħor.” 25 Qaltlu wkoll: “Għandna tiben u ħafna għalf, kif ukoll post fejn tqattgħu l-lejl.” 26 Imbagħad ir-raġel miel u nxteħet fl-art quddiem Ġeħova 27 u qal: “Ħa jkun imfaħħar Ġeħova, l-Alla taʼ sidi Abraham, għax hu baqaʼ juri mħabba u lealtà maʼ sidi u żamm il-wegħda tiegħu miegħu. Ġeħova ggwidani lejn id-dar taʼ ħut sidi.”
28 U t-tfajla ġriet biex tgħid b’dan lil dawk taʼ dar ommha. 29 Issa Rebekka kellha ħuha jismu Laban. U Laban mar jiġri lejn ir-raġel li kien barra ħdejn l-għajn. 30 U meta ra l-misluta fi mnieħer oħtu Rebekka u ċ-ċpiepet f’idejha u semagħha tgħid x’qalilha r-raġel, hu mar jiltaqaʼ miegħu waqt li dan kien għadu maġenb l-iġmla ħdejn l-għajn. 31 Minnufih qallu: “Ejja, int li għandek il-barka taʼ Ġeħova. Għala se tibqaʼ hawn barra? Jien lestejt id-dar u post għall-iġmla.” 32 Imbagħad ir-raġel daħal id-dar, u hu* ħatt it-tagħbija minn fuq l-iġmla u ta t-tiben u l-għalf lill-iġmla. Hu tah l-ilma biex hu u l-irġiel li kienu miegħu jaħslu saqajhom. 33 Imma meta ngħata xi ħaġa x’jiekol, hu qal: “M’iniex se niekol qabel ma ngħidlek dak li għandi x’ngħid.” Allura Laban qallu: “Tkellem!”
34 U hu qal: “Jien il-qaddej t’Abraham. 35 U Ġeħova bierku sew lil sidi u għamlu sinjur ħafna billi tah nagħaġ u baqar, fidda u deheb, qaddejja rġiel u nisa, u iġmla u ħmir. 36 Barra minn hekk, Sara mart sidi wellditlu iben fi xjuħitha, u hu se jagħtih kulma għandu. 37 Għalhekk, sidi ġegħelni naħlef billi qalli: ‘Tiħux mara għal ibni mill-bniet tal-Kangħanin, li qed ngħix f’arthom. 38 Le, imma mur f’dar missieri u għand il-familja tiegħi, u sib mara għal ibni.’ 39 Imma jien għedt lil sidi: ‘U jekk il-mara ma tkunx trid tiġi miegħi?’ 40 Hu qalli: ‘Ġeħova, li lilu jien qdejt,* jibgħat l-anġlu tiegħu miegħek u żgur li jgħinek tirnexxi fil-vjaġġ tiegħek, u trid issib mara għal ibni mill-familja tiegħi u minn dar missieri. 41 Int tkun meħlus mill-ħalfa li għamiltli jekk tmur għand il-familja tiegħi u ma jagħtuhilekx. Dan jeħilsek mill-ħalfa tiegħek.’
42 “Meta llum wasalt ħdejn l-għajn, għedt: ‘Ġeħova, l-Alla taʼ sidi Abraham, jekk tgħinni nirnexxi fil-vjaġġ tiegħi, 43 ħa jseħħ dan: Waqt li qiegħed hawn ħdejn l-għajn tal-ilma toħroġ tfajla timla l-ilma, u jien ngħidilha, “Jekk jogħġbok, ħa nixrob naqra ilma mill-ġarra tiegħek,” 44 u hi tgħidli, “Ixrob, u jien se nimla l-ilma wkoll għall-iġmla tiegħek.” Ħa tkun din il-mara li Ġeħova għażel għal bin sidi.’
45 “Qabel ma lħaqt spiċċajt nitlob f’qalbi, ħarġet Rebekka bil-ġarra tagħha fuq spallitha, u niżlet lejn l-għajn u bdiet timla l-ilma. Imbagħad għedtilha: ‘Jekk jogħġbok, agħtini nixrob.’ 46 U hi malajr niżżlet il-ġarra tagħha minn fuq spallitha u qalet: ‘Ixrob, u jien nagħti wkoll l-ilma lill-iġmla tiegħek.’ Imbagħad xrobt, u hi tat ukoll l-ilma lill-iġmla. 47 Wara dan staqsejtha, ‘Bint min int?’ u hi qaltli, ‘Jien it-tifla taʼ Betwel, li jiġi t-tifel taʼ Milka u Naħor.’ Għalhekk, libbistha l-misluta fi mneħirha u ċ-ċpiepet f’idejha. 48 U milt u nxtħett fl-art quddiem Ġeħova u faħħart lil Ġeħova, l-Alla taʼ sidi Abraham, li kien mexxieni fit-triq it-tajba biex nieħu lil bint ħu sidi għal ibnu. 49 U issa għiduli jekk tixtiequ turu mħabba* u lealtà maʼ sidi, imma jekk le, għiduli, sabiex inkun naf x’se nagħmel.”*
50 Imbagħad Laban u Betwel wieġbu: “Dan hu minn Ġeħova. Aħna ma nistgħux ngħidulek iva jew le. 51 Hawn hi Rebekka quddiemek. Ħudha u mur, u ħa ssir mart bin sidek, bħalma qal Ġeħova.” 52 Meta l-qaddej t’Abraham semaʼ kliemhom, hu mill-ewwel miel u nxteħet fl-art quddiem Ġeħova. 53 U l-qaddej ħareġ oġġetti tal-fidda u tad-deheb u lbiesi u tahom lil Rebekka, u ta affarijiet taʼ valur lil ħuha u lil ommha. 54 Wara dan, hu u l-irġiel li kienu miegħu kielu u xorbu, u qattgħu l-lejl hemmhekk.
Meta qam filgħodu, hu qal: “Ibagħtuni għand sidi.” 55 Ħuha u ommha wiġbuh: “Ħa tibqaʼ magħna t-tfajla għall-inqas għaxart ijiem oħra. Imbagħad tkun tistaʼ tmur.” 56 Imma hu qalilhom: “Iżżommunix hawnhekk ladarba rajtu li Ġeħova għenni nirnexxi fil-vjaġġ. Ibagħtuni, biex immur għand sidi.” 57 Għalhekk qalulu: “Ejja ngħajtu lit-tfajla u naraw x’tgħid.” 58 Huma għajtu lil Rebekka u staqsewha: “Trid tmur maʼ dan ir-raġel issa?” Hi wieġbet: “Iva, irrid immur.”
59 Għalhekk bagħtu lil Rebekka* u lil dik li darba kienet tieħu ħsiebha* u lill-qaddej t’Abraham u lill-irġiel tiegħu. 60 U bierku lil oħthom u qalulha: “Rebekka, jalla d-dixxendenti tiegħek isiru ħafna eluf* u jieħdu f’idejhom il-bliet* taʼ dawk li jobogħduhom.” 61 Imbagħad hi u l-qaddejja nisa tagħha qamu, rikbu fuq l-iġmla, u marru wara r-raġel. B’hekk, il-qaddej ħa lil Rebekka u telaq.
62 Issa Iżakk kien ġej lura mid-direzzjoni taʼ Bir-laħaj-roj, għax kien qed jgħix fl-art tan-Negeb. 63 Meta kienet nieżla x-xemx, Iżakk kien barra jippassiġġa fl-għalqa sabiex jimmedita. Meta ħares ’il fuq, ra l-iġmla ġejjin. 64 Meta Rebekka ħarset ’il fuq, hi rat lil Iżakk, u mill-ewwel niżlet minn fuq il-ġemel. 65 U staqsiet lill-qaddej: “Min hu dak ir-raġel miexi fl-għalqa li ġej jiltaqaʼ magħna?” U l-qaddej qalilha: “Dak sidi.” Għalhekk, qabdet il-velu tagħha u tgħattiet bih. 66 U l-qaddej irrakkonta lil Iżakk kulma kien għamel. 67 Imbagħad Iżakk daħħalha fit-tinda t’ommu Sara. Hu ħa lil Rebekka bħala martu u sar iħobbha. B’hekk, Iżakk ħassu aħjar wara li tilef lil ommu.