Imħallfin
14 U Sansun niżel Timna u ra mara mill-Filistja.* 2 Għalhekk, telaʼ u qal lil missieru u lil ommu: “F’Timna rajt mara mill-Filistja, u rridkom tirranġawli biex niżżewwiġha.” 3 Imma huma staqsewh: “Ma tistax issib mara minn fost qrabatek u minn fost il-poplu kollu tagħna? Għandek tmur u tiżżewweġ mara minn fost il-Filistin li mhumiex ċirkonċiżi?” Imma Sansun qal lil missieru: “Lilha ħudli, għax hi togħġobni.”* 4 Missieru u ommu ma ndunawx li dan kien minn Ġeħova, għax hu* kien qed ifittex opportunità kontra l-Filistin, peress li dawn kienu jaħkmu fuq Iżrael dak iż-żmien.
5 Għalhekk, Sansun niżel Timna maʼ missieru u ommu. Meta wasal ħdejn l-għelieqi tad-dwieli taʼ Timna, resaq lejh iljun jgħajjat. 6 Imbagħad l-ispirtu taʼ Ġeħova saħħu, u ċarrat l-iljun fi tnejn b’idejh, bħal meta xi ħadd iċarrat gidi fi tnejn. Imma lil missieru u lil ommu ma qalilhomx x’kien għamel. 7 Imbagħad niżel u kellem lill-mara, u kkonferma li lilha ried.
8 Iktar tard, meta kien sejjer lura Timna biex jiħodha d-dar, hu għadda minn ħdejn l-iljun mejjet biex jarah, u fil-ġisem mejjet tal-iljun kien hemm qatgħa kbira naħal u għasel. 9 Għalhekk, laqqat l-għasel fil-pali taʼ jdejh u kielu hu u jimxi. Meta reġaʼ wasal ħdejn missieru u ommu, hu tahom ftit minnu. Imma ma qalilhomx li kien laqqat l-għasel mill-ġisem mejjet taʼ ljun.
10 Missieru mar għand il-mara, u Sansun għamel ikla kbira hemmhekk, għax hekk kienu jagħmlu ż-żgħażagħ irġiel. 11 Malli rawh, ġabulu 30 raġel biex joqogħdu miegħu bħala l-għarus. 12 Imbagħad Sansun qalilhom: “Jekk jogħġobkom, ħa ngħidilkom ħaġa moħġaġa. Jekk matul is-sebat ijiem tal-ikla ssolvuha u tgħiduli t-tweġiba, jien ikolli nagħtikom 30 libsa tal-għażel u 30 tibdila ħwejjeġ. 13 Imma jekk ma tkunux kapaċi twiġbuni, intom tridu tagħtuni 30 libsa tal-għażel u 30 tibdila ħwejjeġ.” Huma qalulu: “Għidilna l-ħaġa moħġaġa ħa nisimgħuha.” 14 Għalhekk qalilhom:
“Mill-wieħed li jiekol ħarġet xi ħaġa li tittiekel,
U mill-wieħed b’saħħtu ħarġet xi ħaġa ħelwa.”
Huma ma rnexxilhomx jgħidu x’inhi l-ħaġa moħġaġa għal tlett ijiem. 15 Fir-rabaʼ jum, huma qalu lil mart Sansun: “Qarraq b’żewġek ħa jgħidilna x’inhi l-ħaġa moħġaġa. Inkella, naħarqu lilek u lil dar missierek bin-nar. Jaqaw stidintuna hawn biex tiħdulna ġidna?” 16 Għalhekk, mart Sansun bdiet tibkilu u qalet: “Int żgur tobgħodni; ma tħobbnix. Int għedt ħaġa moħġaġa lill-poplu tiegħi, imma lili m’għedtlix x’inhi.” Għal dan qalilha: “Lanqas lil missieri u lil ommi stess m’għedt! Se ngħidha lilek?” 17 Imma hi baqgħet tibkilu l-kumplament tas-sebat ijiem tal-ikla kbira. Fl-aħħar, qalilha x’kienet fis-sebaʼ jum, għax dejqitu ħafna. Imbagħad hi qalet x’kienet il-ħaġa moħġaġa lill-poplu tagħha. 18 Għalhekk, qabel ma niżlet ix-xemx* fis-sebaʼ jum, l-irġiel tal-belt qalulu:
“X’inhu iktar ħelu mill-għasel,
U x’inhu iktar b’saħħtu minn iljun?”
Hu wiġibhom:
“Kieku ma ħrattux bil-baqra żgħira tiegħi,
Ma kontux issolvu l-ħaġa moħġaġa.”
19 Imbagħad l-ispirtu taʼ Ġeħova saħħu, u hu niżel Askelon u qatel 30 mill-irġiel tagħhom u ħa l-ħwejjeġ tagħhom u tahom lil dawk li qalu x’kienet il-ħaġa moħġaġa. Hu kien irrabjat ħafna waqt li kien tielaʼ lejn dar missieru.
20 Imbagħad mart Sansun ingħatat lil wieħed minn dawk li kienu qagħdu miegħu bħala l-għarus.