Eżodu
22 “Jekk raġel jisraq barri jew nagħġa u joqtolha jew ibigħha, għandu jagħti bħala kumpens ħames barrin għall-barri u erbaʼ nagħġiet għan-nagħġa.
2 (“Jekk ħalliel jinqabad dieħel jisraq billejl u jaqlaʼ daqqa u jmut, min qatlu ma jkunx ħati taʼ qtil. 3 Imma jekk jiġri dan wara li tkun telgħet ix-xemx, min qatel ikun ħati taʼ qtil.)
“Il-ħalliel għandu jagħti kumpens. Jekk ma jkollu xejn, irid jiġi mibjugħ hu għall-affarijiet li seraq. 4 Jekk l-annimal li seraq jinstab ħaj għandu, kemm jekk ikun barri, ħmar, jew nagħġa, għandu jagħti kumpens doppju.
5 “Jekk xi ħadd jieħu l-annimali tiegħu jirgħaw f’għalqa jew f’għalqa tad-dwieli u jħallihom imorru jirgħaw f’għalqa taʼ ħaddieħor, għandu jagħti bħala kumpens l-aqwa prodott tal-għalqa jew tad-dwieli tiegħu.
6 “Jekk jiġi mqabbad nar u jinfirex max-xewk u jinqerdu l-qatet, għelieqi biċ-ċereali,* jew xi għalqa oħra, dak li jkun qabbad in-nar irid jagħti kumpens għal dak li nħaraq.
7 “Jekk raġel jagħti flus jew oġġetti lil sieħbu biex iżommhomlu u dawn jinsterqu mid-dar taʼ sieħbu, u l-ħalliel jinqabad, dan għandu jagħti kumpens doppju. 8 Jekk il-ħalliel ma jinqabadx, sid id-dar irid jinġieb quddiemi, l-Alla l-veru, biex jaraw jekk kienx hu li ħa* l-affarijiet taʼ sieħbu. 9 Kull meta xi ħadd jakkuża lil xi ħadd ieħor li qed iżomm xi ħaġa li mhix tiegħu, kemm jekk ikun barri, ħmar, nagħġa, libsa, jew kwalunkwe ħaġa li tkun intilfet, għandhom jiġu quddiemi, l-Alla l-veru, biex jiġi deċiż taʼ min hi verament. Jien niddikjara min minnhom hu ħati, u dan għandu jagħti kumpens doppju lil sieħbu.
10 “Jekk raġel jagħti lil sieħbu ħmar, barri, nagħġa, jew xi bhima oħra biex iżommhielu, u din tmut jew tiġi mmankata jew tinħataf minn xi ħadd u ma jkunx hemm xhieda, 11 għandha ssir ħalfa bejniethom quddiemi, Ġeħova, li hu ma ħax* dak li hu taʼ sieħbu, u s-sid irid jaċċettaha. L-ieħor m’għandux jagħti kumpens. 12 Imma jekk il-bhima nsterqet mingħandu,* hu jrid jagħti kumpens lil sidha. 13 Jekk ġiet imqattgħa minn xi bhima salvaġġa, hu għandu jġib dak li jkun fadal minnha bħala evidenza. Hu m’għandux jagħti kumpens għaliha jekk ġiet imqattgħa minn bhima salvaġġa.
14 “Imma jekk xi ħadd jissellef bhima mingħand sieħbu, u din tiġi mmankata jew tmut meta sidha ma jkunx magħha, dak li ssellifha jrid jagħti kumpens. 15 Jekk sidha jkun magħha, dak li ssellifha m’għandux jagħti kumpens. Jekk tkun ġiet mikrija, il-kumpens ikun il-flus li tħallsu għall-kirja.
16 “Issa jekk raġel iħajjar lil xi verġni li ma tkunx għarusa, u jkollu x’jaqsam magħha, irid iħallas il-prezz tal-għarusa biex issir il-mara tiegħu. 17 Jekk missierha jirrifjuta għalkollox li jagħtihielu, ir-raġel xorta jrid iħallas il-prezz li kieku jħallas għal għarusa verġni.
18 “M’għandkomx tħallu saħħara tgħix.
19 “Kull min ikollu x’jaqsam m’annimal għandu jinqatel.
20 “Kull min joffri sagrifiċċji lil xi alla ħlief lili, Ġeħova, għandu jinqered.
21 “Lil resident barrani m’għandkomx tittrattawh ħażin jew taħqruh, għax intom kontu residenti barranin fl-art tal-Eġittu.
22 “Taħqrux lil xi armla jew lill-orfni.* 23 Għax jekk taħqruhom u jgħajtuli għall-għajnuna, jien żgur li nismaʼ l-għajta tagħhom, 24 nirrabja ħafna, u noqtolkom bix-xabla. Imbagħad, in-nisa tagħkom isiru romol u t-tfal tagħkom isiru orfni.
25 “Jekk tisilfu xi flus lil xi ħadd fqir* mill-poplu tiegħi, lil xi ħadd li qed joqgħod magħkom, tkunux rgħiba* miegħu. Tiħdulux imgħax.
26 “Jekk tieħdu l-libsa taʼ xi ħadd bħala garanzija għal dak li sliftuh, għandkom tagħtuhielu lura qabel tinżel ix-xemx. 27 Għax dik biss għandu biex jitgħatta. Inkella x’se juża meta jmur biex jorqod? Meta jgħajjatli, jien żgur li se nisimgħu, għaliex jien ħanin.*
28 “Tidgħux bija,* l-Alla tagħkom, u tisħtux lil xi kap* fost il-poplu tagħkom.
29 “Toqogħdux taħsbuha biex tagħtu mill-ħsad, mill-inbid, u miż-żejt abbundanti tagħkom. L-ewwel tifel tagħkom għandkom tiddedikawh lili. 30 L-istess għandkom tagħmlu bil-barri u bin-nagħġa tagħkom: Għandkom tħalluhom m’ommhom sebat ijiem u fit-tmien jum tagħtuhomli.
31 “Għandkom turu li intom nies qaddisin għalija, u m’għandkomx tieklu laħam taʼ xi annimal li jkun tqattaʼ minn annimal salvaġġ fl-għelieqi. Itfgħuh lill-klieb.