Imħallfin
7 Imbagħad Ġerubbagħal, jiġifieri Gidegħon, u s-suldati kollha li kienu miegħu, qamu kmieni u ramaw il-kampijiet ħdejn il-bir taʼ Ħarod, filwaqt li l-kampijiet taʼ Midjan kienu lejn it-Tramuntana tagħhom ħdejn l-għolja taʼ More, fil-pjanura tal-wied.* 2 Ġeħova issa qal lil Gidegħon: “Hemm wisq suldati miegħek biex jien nagħti lil Midjan f’idejhom. Inkella l-Iżraelin għandhom mnejn jiftaħru bihom infushom u jgħiduli, ‘Bis-saħħa tagħna rbaħna.’ 3 Issa jekk jogħġbok, għidilhom hekk lis-suldati: ‘Kull min qed jibżaʼ u jitriegħed ħa jmur lura d-dar.’” B’hekk, Gidegħon għaddiehom minn prova b’dan il-kliem. U 22,000 minnhom marru lura d-dar, u kien baqaʼ 10,000.
4 Xorta waħda, Ġeħova qal lil Gidegħon: “Għad baqaʼ wisq suldati. Niżżilhom ħdejn l-ilma biex inkun nistaʼ ngħaddihom minn prova hemmhekk. Meta ngħidlek, ‘Dan jiġi miegħek,’ jiġi miegħek, imma meta ngħidlek, ‘Dan ma jiġix miegħek,’ ma jiġix.” 5 Għalhekk, niżżel lis-suldati ħdejn l-ilma.
Imbagħad Ġeħova qal lil Gidegħon: “Issepara lil dawk li jtellgħu l-ilma f’idhom u jixorbu minnha minn dawk li jinżlu jixorbu għarkopptejhom.” 6 U kien hemm 300 raġel li tellgħu l-ilma f’idhom u xorbu minnha. Il-bqija niżlu jixorbu għarkopptejhom.
7 Ġeħova issa qal lil Gidegħon: “Jien se nsalvak bit-300 raġel li xorbu l-ilma minn idhom, u jien se nagħti lil Midjan f’idejk. Imma ħalli s-suldati l-oħrajn kollha jmorru lura lejn darhom.” 8 Għalhekk, wara li ħadu l-provvisti u l-qarn mingħand is-suldati, hu bagħat lis-suldati t’Iżrael l-oħrajn lura d-dar, u żamm biss lit-300 raġel. Il-kampijiet taʼ Midjan kienu taħtu fil-pjanura tal-wied.
9 Matul dak il-lejl, Ġeħova qallu: “Qum, attakka l-kampijiet, għax jien tajthomlok f’idejk. 10 Imma jekk qed tibżaʼ tattakkahom, inżel lejn il-kampijiet maʼ Pura l-qaddej tiegħek. 11 Ismaʼ xi jkunu qed jgħidu, u wara se jkollok il-kuraġġ* biex tattakka l-kampijiet.” Għal dan, hu u Pura l-qaddej tiegħu niżlu viċin il-kampijiet tal-għadu.
12 Issa n-nies taʼ Midjan, t’Għamalek, u tal-Lvant kollha ksew il-pjanura tal-wied bħal qatgħa ġurati, u l-iġmla tagħhom ħadd ma setaʼ jgħoddhom għax kienu daqs ir-ramel f’xatt il-baħar. 13 Imbagħad Gidegħon mar u kien hemm suldat jirrakkonta ħolma lil sieħbu, u qallu: “Din hi l-ħolma li kelli. Kien hemm ftira tax-xgħir* li daħlet titgerbeb għal ġol-kampijiet taʼ Midjan. Waslet ħdejn tinda, u tant laqtitha bis-saħħa, li waqgħet. Iva, qalbet it-tinda taʼ taħt fuq, u t-tinda waqgħet ċatta.” 14 Għal dan sieħbu qallu: “Dan mhu xejn ħlief ix-xabla taʼ Gidegħon bin Ġowas, raġel minn Iżrael. Alla ta lil Midjan u lill-kampijiet kollha f’idejh.”
15 Malli Gidegħon semaʼ l-ħolma tiġi rrakkonta u spjegata, hu miel biex jagħti qima. Imbagħad reġaʼ lura lejn il-kampijiet t’Iżrael u qal: “Qumu, għax Ġeħova ta f’idejkom il-kampijiet taʼ Midjan.” 16 Imbagħad hu qassam lit-300 raġel fi tliet gruppi u tahom ilkoll qarn u ġarar kbar vojta b’torċi ġo fihom. 17 Imbagħad qalilhom: “Ħarsu lejja u agħmlu eżatt bħali. Meta nasal viċin il-kampijiet tal-għadu, agħmlu bħali. 18 Meta jien u dawk li qegħdin miegħi ndoqqu l-qarn, intom ukoll tridu ddoqqu l-qarn madwar il-kamp kollu u tgħajtu, ‘Għal Ġeħova u għal Gidegħon!’”
19 Gidegħon u l-100 raġel li kienu miegħu waslu viċin il-kampijiet tal-għadu malli kienet se tibda t-tieni għassa taʼ billejl,* eżatt wara li nbidlu s-suldati tal-għassa. Huma daqqew il-qarn, u farrku l-ġarar kbar tal-ilma li kellhom f’idejhom. 20 Għalhekk, it-tliet gruppi daqqew il-qarn u kissru l-ġarar kbar. Huma żammew it-torċi f’idhom ix-xellugija u b’idhom il-leminija daqqew il-qarn u għajtu: “Ix-xabla taʼ Ġeħova u taʼ Gidegħon!” 21 Sadanittant, kull suldat baqaʼ f’postu madwar il-kampijiet, u l-armata kollha telqet tiġri, u bdiet tgħajjat hi u taħrab. 22 It-300 raġel komplew idoqqu l-qarn, u Ġeħova ġiegħel lin-nies fil-kampijiet kollha jattakkaw lil xulxin bix-xabla. U l-armata ħarbet sa Bet-sitta, lejn Serera, sa tarf Abel-meħola ħdejn Tabbat.
23 U s-suldati t’Iżrael minn Naftali, Aser, u Manasse kollu nġabru flimkien u telqu jiġru wara Midjan. 24 U Gidegħon bagħat messaġġiera fir-reġjun muntanjuż kollu t’Efrajm, jgħidu: “Morru qabilhom lejn Bet-bara u x-Xmara Ġordan u qiegħdu suldati hemmhekk biex ma jħallux lill-Midjanin jaqsmu x-xmara.” Għalhekk, is-suldati kollha t’Efrajm inġabru flimkien ħdejn Bet-bara u x-Xmara Ġordan. 25 Ukoll, huma qabdu lil Għoreb u Żeb, żewġ mexxejja taʼ Midjan. Huma qatlu lil Għoreb fuq il-blata t’Għoreb u qatlu lil Żeb ħdejn il-magħsar tal-inbid taʼ Żeb. Huma baqgħu jiġru wara Midjan, u ġabu ras Għoreb u Żeb għand Gidegħon fir-reġjun tal-Ġordan.